Riflessjonijiet fuq iż-żjara tal-Papa
Il-legat taż-żjara tal-Papa Franġisku mhux se jitkejjel mill-folol, l-avvenimenti pubbliċi kbar li saru u r-rapurtaġġ qawwi tal-midja. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istorja se tiġġudika lill-politiċi tagħna u lill-poplu fuq jekk ħaddnux is-sejħa tal-Papa biex iħarsu valuri universali bħall-ġustizzja soċjali, l-onestà, ir-rispett għad-dinjità umana u l-ġlieda kontra r-rgħiba.
Madankollu, waqt iż-żjara ta’ jumejn tal-Papa kien pjuttost sorprendenti kif waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali – id-dibattitu dwar l-abort u l-ewtanasja – ma tantx ngħatat prominenza. Huwa wkoll sinifikanti li ma saret l-ebda referenza diretta għal dan il-punti. L-uniku darba li l-Papa mess din il-kwistjoni kien fl-indirizz tiegħu lill-awtoritajiet Maltin.
“Inħeġġiġkom biex tissuktaw tiddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, iżda wkoll biex f’kull waqt tħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ttraskurata.”
Għalkemm naqblu bis-sħiħ ms’ appell bħal dan, konna nistennew sejħa aktar qawwija lill-parlamentari Maltin fid-dawl tal-pressjoni dejjem tikber, megħjuna mill-midja, għal-legalizzazzjoni tal-abort u l-ewtanasja. Dawn mhumiex biss red lines għall-Knisja imma għal dawk kollha li jemmnu li l-ħajja tibda mill-konċepiment sal-mewt naturali. Din l-attitudni kemxejn kawtiela fuq kwistjoni daqshekk delikata jikkuntrasta mal-kliem qawwi dwar ir-razziżmu, l-immigrazzjoni, il-korruzzjoni, l-ambjent u l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
B’differenza mid-dibattitu dwar id-divorzju li kien ibbażat l-aktar fuq twemmin reliġjuż u morali dak dwar l-abort u l-ewtanasja huwa fuq livell kompletament differenti. Issa qed nitkellmu fuq theddida serja ħafna li qed tiffaċċja l-umanità irrispettivament mir-razza, ir-reliġjon u t-twemmin kulturali. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk verament nemmnu f’soċjetà mibnija fuq is-solidarjetà, kulħadd għandu jħossu obbligat jieħu n-naħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Huwa ironiku kif ftit sekondi jistgħu jagħmlu differenza bejn il-ħajja u l-mewt. X’sens jagħmel li tittratta lil dawk li għadhom fil-ġuf b’mod differenti billi jkun legalizzat il-qtil brutali tagħhom, imma tieħdu pożizzjoni kompletament differenti jekk tarbija tkun laħqet twieldet? Kif qal il-Papa fl-omelija tiegħu Fuq il-Fosos mhux f’idejna li nwasslu sentenzi, u lanqas nikkundannaw lin-nisa li wettqu abort.
“Dawk li jemmnu li qed isostnu l-fidi billi jippontaw subgħajhom lejn ħaddieħor jista’ jkollhom ċerta “reliġjożità”, imma ma jħaddnux l-ispirtu tal-Evanġelju, għax jinjoraw il-ħniena, li hija l-qalb ta’ Alla.”
Dmirna bħala bnedmin hu li nappoġġaw lil dawn in-nisa biex ngħinuhom jagħmlu għażliet tajbin. Jekk nemmnu tassew fil-ġustizzja soċjali rridu nkunu lesti li niskjeraw ruħna favur dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu x’ikunu d-diffikultajiet. Irridu nkunu ppreparati wkoll biex nitkellmu u nsemmgħu leħinna.