Ritratt: DOI

“Il-kura lill-anzjani trid tingħata bl-istess dedikazzjoni daqs li kieku dawn huma membri tal-familja tagħna iżda biex dan isir hemm bżonn tal-kooperazzjoni sħiħa ta’ dawk kollha involuti fl-għoti ta’ dawn is-servizzi.”

Dan qalu l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-UHM Voice of the Workers fil-kwartieri tal-union fil-Floriana.  Il-laqgħa saret fuq inizjattiva tal-Ministru Abela li fil-bidu tal-mandat tiegħu iltaqa’ mal-unions involuti fis-settur tal-kura tal-anzjani.

Jo Etienne Abela qal li jħares ’il quddiem lejn din l-esperjenza politika ġdida tiegħu biex ikun ta’ servizz lill-poplu. F’kummenti fuq Facebook fi tmiem il-laqgħa il-Ministru għall-Anzjanità Attiva qal li jemmen bis-sħiħ fit-trejdjuniżmu Malti u kien għalhekk li fl-ewwel ġranet tiegħu bħala Ministru iddedika l-ħin biex jiltaqa’ kemm jista’ mal-unions. Dwar il-laqgħa mal-UHM qal li din kienet “pożittiva ħafna”.

Min naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella feraħ lill-Ministru Abela tal-ħatra tiegħu u awguralu li bl-istess mod li kiseb suċċess fil-karriera professjonali tiegħu ta’ kirurgu, ikollu suċċess fir-rwol il-ġdid tiegħu. Hu qal li din il-laqgħa kienet opportunità tajba biex l-uffiċjali tal-union u dawk li jkunu fuq il-postijiet tax-xogħol iressqu lill-ministru l-esperjenzi tagħhom kif ukoll jaqsmu l-ideat dwar l-isfidi ewlenin f’dan is-settur.

Id-Direttur tal-UHM Mario Sacco esprima sodisfazzjon dwar il-fatt li l-Ministru sa mill-ewwel jiem tal-ħidma politika ħass il-bżonn li jiltaqa’ mal-union u dan jawgura tajjeb biex iż-żewġ naħat ikollhom relazzjoni tajba bejniethom.

Id-Deputat Kap Eżekuttiv Gian Paul Gauci tkellem dwar il-ħidma tal-union fis-settur tas-saħħa u spjega li l-UHM illum hi fost l-ikbar unions f’dan il-qasam għax tirrapreżenta mijiet ta’ ħaddiema fi professjonijiet u gradi differenti. Fil-laqgħa ħadu sehem ukoll l-Assistent Direttur Isabelle Farrugia u l-managers tat-taqsimiet fis-setturi tas-saħħa u l-anzjani Charles Vella u Analise Casha.

Jo Etienne Abela twieled ir-Rabat Għawdex u jaħdem bħala kirurgu.