Raqda tajba qabel ix-xogħol tagħmlek iżjed produttiv
L-irqad jaffettwa kull aspett ta’ ħajjitna, inkluż il-ħin li nqattgħu fil-post tax-xogħol. In-numru ta’ sigħat li norqdu u l-mod kif norqdu għandhom impatt kbir fuq il-produttivita’ fix-xogħol, il-prestazzjoni u s-sigurta’ tagħna.
Studju riċenti sab li meta wieħed jorqod inqas minn ħames sigħat jew aktar minn għaxar sigħat f’lejl, jittieħdu bejn 4.6 sa 8.9 ġranet aktar sick leave minn persuni li jorqdu bejn seba’ u tmien sigħat kull lejl.
Fil-fatt, in-nuqqas ta’ irqad fost il-ħaddiema qed iħalli impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżi Ewropej minħabba nuqqasijiet fil-produttivita’. Jidher li persuni li jesperjenzaw xi forma ta’ insomnija – sew jekk iqumu f’nofs ta’ lejl, jew ikollhom problemi biex jorqdu – qed jiswa ħafna flus lil min iħaddem fis-sena.
Dawn l-ispejjeż qed jakkumulaw f’diversi modi, fosthom, f’rati għoljin ta’ inċidenti u aktar dipendenza fuq is-servizzi tas-saħħa.
Aktar riċerka turi li meta wieħed jorqod biżżejjed sigħat, ikun aktar assertiv u kreattiv. L-irqad hu assoċjat mal-innovazzjoni, u li tkun deprivat minnu jaffettwa l-abbilta’ mentali tal-persuna. Skont studju li sar mill-Journal of Vision, aktar ma tkun deprivat mill-irqad, aktar timxi bil-mod meta tiġi biex twettaq xogħolok.
Riċerkaturi fl-istat ta’ Michigan fl-Istati Uniti sabu li l-irqad isaħħaħ dik li jgħidula “il-kapaċita’ tal-memorja tax-xogħol”. Din il-forma ta’ memorja hi assoċjata ma’ kif wieħed jiġi biex isolvi l-problemi, il-vokabularju ta’ dak li jkun, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-abbilta’ li wieħed jifhem dak li qed jaqra.
Il-ballun hu f’saqajn il-ħaddiema u min iħaddem sabiex jagħtu prijorita’ lill-irqad. Sforzi biex jgħinu lill-ħaddiema jorqdu sigħat biżżejjed u tajjeb, huma investiment li jrendi b’mod sostanzjali lill-ħajja tax-xogħol.