Rapport tal-NSO iwissi dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima għall-bdiewa Maltin
Skont studju dwar il-klima ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-bdiewa Maltin jistgħu jkunu qed jippreparaw ruħhom għal ħxejjex u frott iżgħar, inqas ħsad u żieda fil-mard.
Ir-rapport, li hu Ibbażat fuq osservazzjonijiet li saru mill-uffiċċju meteoroloġiku fuq perjodu ta’ aktar minn 60 sena, jindika xejriet importanti u jipprova jbassar x’jista’ jiġri fis-snin li ġejjin skont l-evidenza miġbura s’issa. Ir-rapport innota li se tiżdied il-probabbiltà ta’ temp estrem. Madankollu, it-tbassir tat-temp u ta’ avvenimenti estremi jibqa’ sfida kbira iżda eżerċizzju essenzjali fil-kalkolu ta’ valutazzjonijiet tar-riskju futuri ustrateġiji ta’ adattament għall-klima.
Minbarra li jasal għal konklużjonijiet minn statistika meteoroloġika ewlenija bħat-temperatura, il-veloċita tar-riħ, l-umdità, l-ammont ta’ xita u l-umdità, ir-rapport jagħti ħarsa dwar l-impatti possibbli fuq l-ekonomija ta’ Malta fosthom l-agrikoltura u t-turiżmu.
Fl-agrikoltura, il-bidliet fit-temperaturi u l-ammont ta’ xita se jkollhom piż fuq il-produzzjoni jekk il-miżuri ta’ adattament ma jiġux implimentati, iwissi l-istudju. Ir-rapport jgħid li perijodi twal ta’ nixfa jistgħu jwasslu għal uċuħ tar-raba’ bi prodotti inferjuri u rendimenti aktar baxxi filwaqt li xitwa aktar sħuna tista’ żżid iċ-ċansijiet tal-mard. Barra minn hekk tnaqqis ta’ fl-ammont ta’ sħab jista’ jwassal ukoll għal temperaturi ogħla fil-wiċċ tal-art u rati ogħla ta’ evaporazzjoni, li jistgħu jkunu ta’ detriment għal settur agrikolu li jiddependi fuq ix-xita staġjonali u l-ilma tal-pjan li jiddependi fuq kemm tagħmel xita biex ma jixxottax.
L-NSO qal li mill-1946, il-produzzjoni tal-għeneb f’Malta naqset b’69% u tal-qamħ bi 22%. It-tnaqqis fil-profitti li jirriżulta minn tnaqqis fil-produttività u spejjeż ogħla tax-xogħol assoċjati mal-biedja hi ta’ tħassib.
It-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt ukoll fuq il-bhejjem minħabba ż-żieda fit-temperatura u fl-umdità. Jirriżulta li temperaturi għoljin billejl ma jippermettux lill-bhejjem jarmu s-sħana mill-ġurnata ta’ qabel, u jekk dan iseħħ tlett ijiem wara xulxin jista’ jkun ta’ riskju serju għas-saħħa tal-baqar u n-nagħaġ.
Fit-turiżmu, l-impatti mbassra mit-tibdil fil-klima se jwasslu għal spejjeż operattivi ogħla li jista’ jkollhom impatt fuq il-prezzijiet, il-profitti u s-salarji tal-impjegati.
Filwaqt li jinnota li jridu jiġu implimentati miżuri ta’ adattament biex jittaffew dawn l-effetti, l-uniku pjan ta’ azzjoni msemmi fir-rapport fuq livell politiku huwa l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament li tmur lura għall-2012.
Ir-rapport jgħid li l-iskarsezza ta’ miżuri ta’ adattament lokali bħala reazzjoni għal klima li qed tinbidel tesponi nuqqas attwali ta’ għarfien dwar il-bidliet li mistennija li jseħħu fuq il-bażi ta’ dan it-tbassir.
Sejbiet oħra ewlenin huma dawn:
- It-temperaturi annwali medji, massimi u minimi tal-arja juru xejra ċara ’l fuq mill-1952.
- 80 fil-mija tal-aktar 20 temperaturi sħan ta’ billejl mill-1952 seħħew fl-aħħar 20 sena.
- Mill-2000 kien hemm numru notevoli ta’ snin konsekuttivi ta’ nixfa
- 25 fil-mija tal-iktar 20 sena xotti ġew irreġistrati mill-2001 ’il quddiem.
- Fl-aħħar 20 sena, fl-2016 niżlet l-inqas xita (324.8 mm) segwita mill-2001 (338.2 mm) u l-2020 (386.9 mm).
- Bejn l-1952 u l-2020 ix-xita naqset b’10.3 mm kull għaxar snin.
- Il-veloċità tar-riħ turi xejra ta’ tnaqqis ta’ 0.8 knots (0.4 metri kull sekonda) fl-aħħar 60 sena.
- 75 fil-mija tas-snin bl-inqas 20 anomalija ta’ umdità relattiva ġew irreġistrati mill-2001 ’il quddiem.
- L-ogħla temperatura medja tal-baħar kienet irreġistrata matul Awwissu tal-2003 u l-2020 meta ġiet irreġistrata temperatura ta’ 28.0°C.
- 60 fil-mija tal-għola 20 temperatura massima tal-baħar seħħew fl-aħħar 20 sena.
- In-numru ta’ jiem b’maltempati bir-ragħad żdied matul il-perjodu 1952-2020.
- Il-perjodu tal-ħarifa huwa l-aktar staġun tar-ragħad f’Malta, filwaqt li x-xahar ta’ Novembru kellu l-ikbar żieda ta’ maltempati bir-ragħad.
Ir-rapport kollu jinsab hawn.