Proġett pilota kbir fi-Renju Ir-Renju Unit dwar ġimgħa ta’ xogħol ta’ erbat ijiem
Fir-Renju Unit għadu kif tnieda proġett pilota dwar l-implikazzjonijiet ta’ ġimgħa ta’ xogħol ta’ erbat ijiem, li jinvolvi aktar minn 70 kumpanija u 3,300 ħaddiem. Dan huwa l-akbar studju wara dak li sar ftit snin ilu fl-Iżlanda li kien suċċess kbir, sal-punt li sas-sena li għaddiet 86% tal-ħaddiema f’dan il-pajjiż jew qed jaħdmu inqas minn 40 siegħa jew ġimgħa iqsar. Proġetti simili qed isiru fl-Irlanda, l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u New Zealand.
B’kuntrast, il-gvern Malti s’issa ma jridx jikkunsidra idea bħal din. Proposta li saret mill-UHM Voice of the Workers biex isir studju kienet rifjutata għax skont il-gvern il-pajjiż “għadu mhux lest għal riforma bħal din”. Skont il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana l-gvern ikun lest li jiddiskuti ġimgħa ta’ xogħol ta’ erbat ijiem biss meta l-produttività u l-ħiliet tal-ħaddiema jitjiebu. Barra minn hekk, ta x’jifhem li l-gvern kontra sitwazzjoni fejn ġimgħa ta’ xogħol iqsar ma tkunx introdotta b’mod ġenerali għall-impjegati kollha.
Studju fir-Renju Unit
Il-proġett pilota tar-Renju Unit dwar ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol qed jitmexxa minn 4 Day Week Global, flimkien mal-think tank Autonomy u l-4 Day Week Campaign. Riċerkaturi fl-Università ta’ Cambridge, Oxford University u Boston College se jkunu qed jiġbru u janalizzaw ir-riżultati. Il-parteċipanti f’din l-iskema għandhom jaħdmu erbat ijiem fil-ġimgħa minflok ħamsa iżda jirċievu l-istess paga bħal qabel. Taħt dan il-proġett, il-ħaddiema jeħtieġ li jżidu l-produttività tagħhom b’25% kuljum biex jikkumpensaw għall-fatt li qed jaħdmu ġurnata inqas kull ġimgħa.
Eżempju bħal dan huwa Pressure Drop Brewery tar-Renju Unit, intrapriża żgħira li qed tipparteċipa f’dan l-istudju pilota billi toffri ġimgħa ta’ erbat ijiem lid-disa’ impjegati tagħha. Il-ko-fundatur tal-kumpanija Sam Smith qal lill-BBC li l-isfida li tkun prodotta u ppakkjata l-istess ammont ta’ birra f’erbat ijiem flok ħamsa tkun indirizzata billi jsir użu aħjar mill-perijodi ta’ waqfien. Hu qal li biex tkun aktar produttiv mhux bilfors trid tgħaġġel aktar fil-biċċa xogħol li tkun qed tagħmel.
Il-mixja lejn ġimgħa tax-xogħol iqsar ħadet spinta ’l quddiem bil-Covid-19 li ġabet tfixkil matul fil-prattiċi tax-xogħol li kienu ilhom stabbiliti għexieren ta’ snin. Madankollu, il-pandemija ġabet ukoll aktar flessibbiltà. Dawk favur ġimgħa ta’ erbat ijiem jinsistu li din tkun qabża ta’ ġgant ’il quddiem biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jitnaqqas ir-riskju ta’ burnout u konsegwentement tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Filwaqt li l-esperjenza s’issa kienet pożittiva ħafna, l-idea ta’ ġimgħa ta’ erbat ijiem tista’ ma tkunx taqbel għal kull professjoni u għal kull tip ta’ impjieg. Tqajmu mistoqsijiet jekk il-livelli tal-produttività jistgħux jitjiebu f’setturi bħall-kura tas-saħħa, id-divertiment u l-industrija tal-manifattura. Ir-riċerkaturi rrikonoxxew li jista’ jkun diffiċli li wieħed jara kif it-tobba u l-infermiera jaraw aktar pazjenti f’inqas ħin, waiters iservu iktar nies f’inqas ħin, jew machine operators ikunu aktar effiċjenti. Madankollu, is-soluzzjoni mhix li l-kunċett jitneħħa għal kollox peress li l-evidenza turi li dan huwa possibbli f’xi setturi, anke fl-industrija tal-manifattura.