Attivisti tal-Moviment Graffiti dan l-aħħar ‘ħadu kontroll’ tal-Blue Lagoon u żgumbraw din il-bajja pittoreska minn deckchairs u umbrelel bi protesta kontra dak li ddeskrivew bħala teħid ta’ art pubblika minn operaturi privati. Il-punt tagħhom kien sempliċi: il-baħar, il-bajja huma ta’ kulħadd… mhux aċċettabbli li nħallsu l-flus biex ingawdu dak li hu tagħna bi dritt.

Din l-“azzjoni diretta” kif iddeskrivewha l-attivisti qanqlet interess qawwi għas-sempliċi raġuni li tmiss ferita għal eluf ta’ ċittadini onesti li jħossu li konċessjonijiet bħal dawn qed jiġu abbużati. Sa ċertu punt din il-protesta ta’ madwar 50 attivist qabdet lill-Gvern u anke lill-Oppożizzjoni fuq sieq waħda, hekk kif matul is-snin it-tnejn taw sehemhom biex waslu għal din is-sitwazzjoni. Filwaqt li t-tnejn jippriedkaw favur bilanċ bejn dawn il-konċessjonijiet privati ​​u d-dritt li l-pubbliku jgawdi l-bajjiet, fil-verità il-miżien ixaqleb lejn naħa waħda. Din kienet ir-raġuni li wasslet lil Graffiti biex jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom fin-nuqqas ta’ infurzar, ħlief għal xi azzjoni sporadika ta’ kultant li tkun aktar maħsuba bħala spettaklu għall-mezzi tax-xandir. Protesta bħal din mhux xi att ta’ “estremiżmu” kif kien hemm min qal iżda riżultat ta’ frustrazzjoni fin-nuqqas ta’ rieda politika tal-awtoritajiet li jrażżnu dan l-abbuż.

Wara din il-protesta, ir-reazzjoni immedjata tal-gvern qanqlet saħansitra aktar mistoqsijiet. Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo ‘ħabbar’ li l-ebda sunbed ma kienet se titħalla fuq ir-ramel tal-Blue Lagoon filwaqt li dawk fuq il-moll kienu se jonqsu. “B’dan il-mod nistgħu nassiguraw li n-nies jistgħu jpoġġu x-xugamani tagħhom u joqogħdu hemm, iżda fl-istess ħin jingħata servizz lil numru sostanzjali ta’ viżitaturi li jitolbu biex jikru sunbeds,” il-Ministru qal. Iżda dikjarazzjoni bħal din immedjatament tqanqal il-mistoqsija: Għaliex l-infurzar qed isir issa li saret il-protesta? Għaliex ma ttieħdet ebda azzjoni qabel? Barra minn hekk, ir-rimarki tal-ministru li dakinhar stess tal-protesta  b’kumbinazzjoni kien hemm skedat li jsir infurzar imma l-attivisti waslu qabel, nisslet tbissima.

Il-verità hi li sakemm ma jkunx hemm pressjoni, speċjalment fuq il-midja soċjali, l-awtoritajiet ma jagħmlu kważi xejn.

Minn perspettiva usa’, dak li ġara f’Kemmuna jista’ jerġa’ jiġri mill-ġdid mhux biss fuq bajjiet popolari oħrajn, iżda f’kull post ieħor fejn jingħataw il-permessi tal-encroachment (biex tinkera art pubblika). L-ilmenti fuq imwejjed u siġġijiet li jimblukkaw zoni pubbliċi, u xi drabi jkunu ta’ periklu għal persuni vulnerabbli huma xi ħaġa komuni. Filwaqt li m’hemm xejn intrinsikament ħażin fil-kunċett ta’ encroachments, fil-mument li l-interess pubbliku jiġi sagrifikat għall-benefiċċju ta’ ftit, konċessjonijiet bħal dawn isiru abbuż. Għal xi raġuni iżda, dan it-tip ta’ abbuż jidher diffiċli biex  jitrażżan, kemm minħabba nuqqas ta’ rieda politika iżda wkoll minħabba frammentazzjoni eċċessiva bejn diversi awtoritajiet li donnhom ifarfru fuq xulxin meta tkun rappurtata xi illegalità. Xi drabi l-ilmenti jeħlu bejn l-Awtorità tal-Artijiet, il-pulizija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u xi entità pubblika oħra.

Fl-2013 inħoloq it-terminu Malta Tagħna Lkoll  – li kien slogan popolari ħafna u rebbieħ. Għadna biċ-ċans  biex dan il-kliem jinbidel f’azzjoni. Ejjew għallinqas nibdew fl-iżgħar parti tal-arċipelagu tagħna. Wara kollox Kemmuna hija tagħna lkoll!