Prijorità lill-Paga Minima
Hekk kif l-Ewropa qed twitti t-triq għal proċess bil-mod ta’ irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19, ix-xogħol fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej jissokta, hekk kif il-Ġermanja uffiċjalment ħadet f’idejha l-presidenza tal-Kunsill tal-UE, mill-1 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Diċembru ta’ din is-sena. Il-presidenza tippermetti lill-istat membru biex jiggwida l-aġenda tal-Kunsill u tistabbilixxih bħala mexxej biex jindirizza diversi policies.
Waħda mill-aktar prijoritajiet importanti li tista’ tiġi żviluppata iżjed fix-xhur li ġejjin hi l-idea ta’ paga minima Ewropea, li kienet imfassla fil-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Il-Ġermanja wkoll qed tħares biex tipprijoritizza dan, partikularment biex tiżviluppa qafas Ewropew għal sistemi nazzjonali fil-ħarsien tal-paga minima, qafas Ewropew għall-pagi minimi u t-tisħiħ tar-rwol tal-imsieħba soċjali.
Tali qafas huwa iżjed importanti minn qatt qabel matul perijodu ta’ irkupru ekonomiku, hekk kif jippermetti lill-istati membri biex ikollhom linji gwida ċari dwar kif il-pagi minimi għandhom jiġu kkalkulati, filwaqt li tingħata għajnuna lill-ħaddiema biex ikun assigurat li qed ikunu mħallsa b’mod ġust.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm tal-Presidenza Ġermaniża, jekk jogħġbok agħfas hawn.