L-inċertezza hija madwarna, illum aktar minn qatt qabel. Il-pandemija tal-COVID-19 għolliet l-inċertezza fuq l-ekonomija, ix-xogħol, il-finanzi, ir-relazzjonijiet, u bla dubju, fuq is-saħħa fiżika u mentali. Madankollu bħala bnedmin, nixxenqu  għas-sigurtà. Irridu li nħossuna sikuri u jkollna kontroll fuq ħajjitna u fuq il-ħarsien tagħna. Il-biża’ u l-inċertezza jistgħu jħalluna fi stress, anzjużi u bla saħħa fuq id-direzzjoni ta’ ħajjitna. L-inċertezza tista’ tnixxifna emozzjonalment u taqbadna f’xenarji dwar x’se jġibilna l-futur. 

Aħna  ilkoll differenti dwar kemm aħna kapaċi nittolleraw l-inċertezza f’ħajjitna. Xi persuni qishom iħobbu jieħdu r-riskji u jgħixu ħajjiet imprevedibbli, filwaqt li oħrajn isibu li l-każwalità tal-ħajja hija inkwetanti ħafna. Iżda lkoll kemm aħna għandna limitu. Jekk inħossuna megħlubin bl-inċertezza u t-tħassib,  huwa importanti li  nkunu nafu li m’aħniex waħidna; ħafna minna ninsabu fl-istess sitwazzjoni f’dan iż-żmien. Huwa wkoll importanti li nirrealizzaw li irrispettivament minn kemm inħossuna bla saħħa  u  bla tama, hemm passi li nistgħu nieħdu biex nittrattaw aħjar iċ-ċirkostanzi bla kontroll, biex intaffu l-ansjetà  u biex naffaċċjaw il-futur b’aktar kunfidenza. 

Filwaqt li forsi ma rridux nirrikonoxxuha, l-inċertezza hija parti naturali u inevitabbli mill-ħajja. Ftit li xejn minn ħajjitna huwa kostanti jew totalment ċert, u filwaqt li għandna kontroll fuq ħafna affarijiet, ma nistgħux nikkontrollaw dak kollu li jiġrilna. Skont kif urietna l-imxija tal-coronavirus, il-ħajja tista’ tinbidel tassew malajr. Hemm individwi li f’daqqa waħda sfaw morda, tilfu l-impjieg jew sabu lilhom infushom qed jitħabtu biex jgħajxu  u jżommu lill-familja ‘l bogħod mill-periklu. Nistgħu nkunu anzjużi dwar meta l-pandemija se tintemm jew jekk il-ħajja hix se tirritorna għan-normal. 

It-tħassib jista’ jagħmilha tidher qisu għandna xi kontroll  fuq ċirkostanzi inċerti. Nistgħu nemmnu li tgħinna biex insibu soluzzjoni għall-problemi tagħna jew biex  nippreparaw għall-agħar riżultati. Forsi jekk ninkwetaw fuq problema għal żmien twil biżżejjed, jew sempliċiment naħsbu fuq kull possibbiltà, jew  naqraw  kull opinjoni onlajn, se nsibu soluzzjoni u nkunu  kapaċi nikkontrollaw ir-riżultat. Sfortunatament, xejn  minn dan ma jaħdem. L-inkwiet kroniku ma jistax jagħtina iżjed kontroll fuq avvenimenti inkontrollabbli; ineħħilna l-gost  tal-mument, idgħajfilna  l-enerġija, u jżommna  mqajmin bil-lejl. 

Madankollu, jeżistu modi aħjar kif inlaħħqu  mal-inċertezza – u dan jibda billi naġġustaw kif naħsbu. Nistgħu niffokaw billi nikkontrollaw dawk l-affarijiet li huma taħt il-kontroll tagħna, nisfidaw il-ħtieġa għaċ-ċertezza, nitgħallmu nittolleraw aħjar, saħansitra nilqgħu l-inċertezza inevitabbli tal-ħajja kif ukoll innaqqsu l-ansjetà u l-livelli tal-istress tagħna.