Nistennew konna u nistennew bqajna…
Issa li tħabbar il-Budget tal-2024, qed jirrenja ċertu sentiment li s-soluzzjonijiet li ilna żmien nistennew għall-problemi serji li għandu l-pajjiż bqajna ma rajnihomx b’nemes. Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar kwistjonijiet kruċjali tħalli liċ-ċittadini, speċjalment lill-klassi tan-nofs, fi stat ta’ inċertezza.
Ma nafu xejn dwar kif il-gvern qed jippjana li jindirizza s-sitwazzjoni tat-traffiku li dejjem sejra għall-agħar. Minkejja l-assigurazzjonijiet u l-wegħdiet, hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar l-istrateġiji biex tittaffa l-konġestjoni, b’riżultat li l-frustrazzjoni tagħna lkoll qed tkompli tiffomenta. Hu ċar ukoll li l-proposta tal-metro, jekk qatt ġiet kunsidrata verament, ġiet imwarrba għal kollox u tħalliet tmut mewtha naturali. Dan jikkonferma kemm din kienet biss gimmck elettorali.
Barra minn hekk, id-dipendenza prevalenti fuq iċ-cheap labour turi viżjoni ekonomika li tħares biss sal-ponta ta’ mneħirha, daqs li kieku għada ma se jisbaħ qatt. Filwaqt li dan jista’ jfisser gwadann immedjat, jonqos milli jindirizza l-kwistjoni urġenti tal-istaġnar tal-pagi u l-kwalità tal-impjiegi. Malta teħtieġ pjan ekonomiku li jaħseb ’il quddiem, wieħed li jiffoka fuq tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi li jħallsu tajjeb.
Il-pjanijiet tal-Gvern dwar il-popolazzjoni dejjem tikber ta’ Malta għadhom misteru. Hekk kif il-popolazzjoni qed tkompli tespandi, hu kruċjali għall-gvern li jartikola strateġiji komprensivi għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni.
Ma nafu xejn dwar kif iċ-ċittadini se jkunu garantiti aċċess għal servizzi essenzjali li bħalissa ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda.
Daqstant inkwetanti huwa l-impatt tal-budget fuq il-klassi tan-nofs, li ssib ruħha ġġorr il-piż taż-żieda fl-għoli tal-ħajja mingħajr qatt ma titwieżen. Minkejja li l-gvern qed jgħid li qed jgħin lil dawk bi dħul aktar baxx, in-nuqqas ta’ miżuri biex jgħin lill-klassi tan-nofs qed ikompli jikkompressa l-pagi, joħloq l-instabilità finanzjarja u jxekkel il-progress ekonomiku. Barra minn hekk, is-silenzju tal-gvern dwar il-ħolqien ta’ impjiegi li jħallsu tajjeb ikompli jżid mal-problemi li qed tiffaċċja l-klassi tan-nofs.
Essenzjalment, il-gvern irid jirrikonoxxi l-frustrazzjoni wiesgħa fost il-klassi tan-nofs. In-nuqqas persistenti ta’ trasparenza, flimkien ma’ wegħdi vagi, inaqqas il-fiduċja li l-gvern jista’ jindirizza t-tħassib tan-nies. Malta jistħoqqilha gvern li juri it-triq ’il quddiem, li jipprovdi pjanijiet ċari u deċiżivi li jrawmu progress ġenwin u prosperità għal kulħadd. Kwalunkwe ħaġa inqas timmina l-essenza stess tad-demokrazija, u tħalli n-nazzjon fi stat ta’ inċertezza perpetwa. Sena wara sena, hemm sens ta’ deja-vu… nibdew b’tama kbira li l-gvern fl-aħħar jibda jindirizza sfidi fit-tul iżda dejjem qed nispiċċaw inħossuna li d-direzzjoni u l-pjan tant mistenni ma wasalx.