Il-Membri tal-PE appoġġjaw aġġornament tad-definizzjonijiet applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha fir-rigward tar-reati marbuta mal-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament tagħhom. Il-proposta hi mfassla b’mod li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata għal teknoloġiji ġodda, pereżempju materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal li jkun deepfake artifiċjali iżda jidher realistiku. Barra minn hekk, il-proposta tiżgura li min iwettaq l-abbuż u s-solleċitazzjoni jkun jista’ jiġi mħarrek irrispettivament minn jekk l-atti twettqux online jew fid-dinja reali.


Pieni aktar stretti u t-tneħħija tal-perjodi ta’ limitazzjoni

Fl-emendi tagħhom, il-Membri tal-PE qed jipproponu li jiżdiedu l-pieni massimi għal għadd ta’ reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal, inkluż għal dawk li jwettqu attivitajiet sesswali ma’ tfal ’il fuq mill-età tal-kunsens sesswali li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom. Eżempji oħra huma r-reklutaġġ ta’ tfal biex jiġu sfruttati għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, il-pussess jew id-distribuzzjoni ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal, u meta jiġi offrut ħlas għal ċerti reati tal-abbuż sesswali tat-tfal.

Il-Membri tal-PE jridu wkoll ineħħu l-perjodi ta’ preskrizzjoni għar-reati li huma koperti mil-liġi aġġornata. Dan peress li l-istatistika turi li l-maġġoranza tal-vittmi jitkellmu biss żmien twil wara li jkun seħħ ir-reat. Il-vittmi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitolbu kumpens indefinittivament.


Reati teknoloġiċi ġodda

Biex il-liġijiet tal-UE jiġu aġġornati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, il-Membri tal-PE jridu jikkriminalizzaw, b’mod espliċitu, l-użu ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali “li huma ddisinjati jew adattati primarjament” biex jitwettqu r-reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Huma approvaw ukoll dispożizzjonijiet dwar ix-xandir dirett tal-abbuż sesswali tat-tfal, u t-tixrid online ta’ materjal relatat. Sabiex l-investigazzjonijiet isiru aktar effettivi, il-Membri tal-PE qed jinsistu fuq il-possibbiltà li jitwettqu investigazzjonijiet taħt kopertura u li jintużaw metodi diskreti ta’ sorveljanza.


Id-definizzjoni ta’ kunsens u l-eżenzjoni għall-pari

Il-Membri tal-PE jridu li jkun hemm definizzjoni ġdida ta’ kunsens speċifikament għal tfal li jkunu qabżu l-età tal-kunsens sesswali. L-interazzjonijiet imsejsa fuq il-kunsens bejn il-pari m’għandhomx jiġu kriminalizzati sakemm ma jkunx hemm dipendenza jew abbuż tal-fiduċja. Madankollu, li persuna tagħmilha tabirruħha li tkun pari għandha titqies bħala ċirkostanza aggravanti u punibbli.


L-appoġġ għall-vittmi

L-appoġġ għall-vittmi tfal għandu jiġi offrut bla ħlas u għandu jinkludi eżamijiet mediċi u forensiċi, għajnuna fid-dokumentazzjoni tal-evidenza, kura medika sensittiva abbażi l-ġeneru, kif ukoll aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva. Il-Membri tal-PE jridu li dan ikun konformi mal-mudell Barnahus, li bih is-servizzi jingħaqdu taħt saqaf wieħed biex jagħtu appoġġ lill-vittmi tfal. Partijiet terzi, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ukoll għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw reati.


Il-passi li jmiss

Il-pożizzjoni tal-PE ġiet adottata b’599 vot favur, 2 kontra u 62 astensjoni. In-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-forma finali tal-liġi huma skedati li jibdew fit-23 ta’ Ġunju.


Sfond

Id-direttiva riformulata dwar l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u s-solleċitazzjoni tat-tfal se tarmonizza d-definizzjonijiet u l-pieni tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal dawn ir-reati, li jkopru kemm l-attività online kif ukoll dik offline.

Il-leġiżlaturi qed jiddiskutu wkoll proposta separata għal regolament dwar materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online. Fl-2023, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ regolament u qed jistenna li l-Kunsill jaqbel fuq pożizzjoni komuni.