Negħlbu s-solitudni
Evidenza li ħarġet minn studju turi li s-solitudni tagħmel ħsara kemm lis-saħħa fiżika kif ukoll is-saħħa mentali tal-bniedem. Imma b’appoġġ minn gruppi u speċjalisti, u anki l-internet, dak li jkun m’għandux għalfejn jindirizzaha waħdu.
Skont kummissjoni li twaqqfet fir-Renju Unit fl-2016, is-solitudni tista’ tagħmel ħsara daqslikieku tpejjep 15-il sigarett kuljum. Hi wkoll assoċjata maż-żieda fir-riskju ta’ mard fil-qalb, attakk ta’ puplesija u pressjoni għolja. Studju partikulari wkoll sab li nies li jgħixu fis-solitudni għandhom 64 fil-mija aktar ċans li jiżviluppaw id-dimensja. Li jkollok kuntatti soċjali b’saħħithom, min-naħa l-oħra, jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-mortalita’ u l-inċidenza tal-mard. Minkejja l-progress li qed iġġib magħha d-dinja moderna tal-lum, aktar u aktar nies qed jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ solitudni u dan il-fenomenu qed ikun ta’ tħassib hemm barra. Li nirrikonoxxu l-impatt li s-solitudni tħalli fuq il-persuna, hu l-ewwel pass biex din il-kundizzjoni tal-ħajja tiġi indirizzata.
L-ispeċjalisti jirreferu għal żewġ fatturi li joħolqu s-solitudni: xi ħadd li, jew ma jkollux biżżejjed kuntatt bażiku soċjali, jew inkella, minkejja li l-persuna tkun imdawra bin-nies, ma tħosshiex apprezzata. Dak li jkun irid jagħraf liema profil huwa kompatibbli miegħu sabiex jieħu idea kif għandu jindirizza l-emozzjonijiet marbutin mas-solitudni.
Li nitkellmu mal-ħbieb u mal-familja hi triq ovvja u faċli biex is-solitudni tkun indirizzata. Imma jekk dak li jkun iħoss li qed jonqos, ikun aħjar għall-persuna konċernata li tingħaqad fi klabb jew tissoċjalizza permezz ta’ xi passatemp jew interessi oħrajn. Dan hu mod biex wieħed jagħmel ħbiberiji ġodda u jżid il-komunikazzjoni soċjali. Eżempju klassiku hu l-volontarjat għax jikkonsolida l-kuntatti u l-persuna tħossha kburija li personalment qed tagħmel xi ħaġa utli fis-soċjeta’.
Li tqatta’ ħajtek fuq l-internet ovvjament ma jibdilx il-kuntatti reali kollha. L-esperti jirrakkomandaw ħin fuq l-internet għal persuni anzjani li qed jesperjenzaw is-solitudni. Din tista’ ma tkunx l-aħjar soluzzjoni, madankollu aktar minn studju wieħed sab rabta bejn is-solitudni u l-ħin fuq l-internet. Allura huwa importanti li t-taħdit fuq l-internet ikun supplimentat b’komunikazzjoni wiċċ’imb wiċċ.
Barra minn hekk huwa tajjeb li persuna li tikkomunika permezz tal-media soċjali jew tagħmel xi volontarjat ma’ xi għaqda. Iżda xi riċerka tissuġġerixxi li wieħed għandu jevalwa ma’ min qed iqatta’ ħinu. Studju li kien sar fl-2011 sab li anzjani li jqattgħu ħinhom mal-familja jħossuhom inqas waħidhom minn oħrajn li jattendu gruppi soċjali fost persuni li ma jafuhomx.
Voice of the Workers jikkonkludi li wisq solitudni jagħmel lil dak li jkun iħossu waħdu. Iżda jekk persuna titgħallem tieħu pjaċir bil-ħin, huwa daqstant importanti daqs ħajja soċjali tajba. Li timla l-ħin bil-passatempi li jinteressawk – u, l-aktar importanti, tapprezza l-gost li dawn l-affarijiet jagħtuk – jistgħu b’xi mod jiġġieldu s-solitudni.