Minn belt għall-ġentlomi għal kapitali tal-eċċessi
Dak li ġara dan l-aħħar fil-Belt Valletta, post li kien mibni mill-ġentlomi għall-ġentlomi kien sinjal ieħor ta’ kemm is-sitwazzjoni fil-kapitali qed tiddeġenera. It-trasformazzjoni tal-belt f’ċentru ta’ abbużi u eċċessi għad-detriment tal-paċi pubblika, b’diżrispett totali lejn t-tradizzjonijiet reliġjużi mhumiex biss inċidenti iżolati iżda sintomi ta’ bidla akbar fis-soċjetà.
Għal żmien twil, it-tħassib dwar dak li kien qed jiġri fil-Belt Valletta ma kienx mogħti wisq widen bl-iskuża konvenjenti tkun li hemm bżonn li nkunu pro-business u li jeħtieġ inżommu l-pass maż-żminijiet. Madankollu, dak li seħħ dan l-aħħar meta f’post pubbliku fl-apert saret esebizzjoni b’konnotazzjonijiet sesswali u erotiċi ftit passi ’l bogħod minn post ta’ qima għandu jservi ta’ twissija li s-sitwazzjoni issa qabżet kull limitu. Huwa inaċċettabbli li affarijiet bħal dawn b’vulgarità u indiċenza jitħallew isiru fi spazji pubbliċi, irrispettivament minn jekk humiex meqjusa bħala “arti” minn xi wħud.
L-argument li dan kien biss spettaklu ta’ sitt minuti, u forma ta’ arti huwa tentattiv dgħajjef biex inaqqas is-severità tas-sitwazzjoni. Kif jista’ qatt jitqies aċċettabbli li individwu li jkun għaddej għall-affari tiegħu fit-triq isib ma’ wiċċu strip tease? Xi ngħidu dwar il-possibbiltà li jkun hemm tfal jew individwi taħt l-età meta jsiru atti bħal dawn? Dan biex ma nsemmux ir-residenti li qed jispiċċaw assedjati fi djarhom f’atmosfera li tixbah aktar lil xi burdell.
L-ipokresija hija flagranti. F’pajjiż fejn hemm liġijiet stretti li għandhom l-għan li jħarsu liż-żgħażagħ minn materjal indiċenti onlajn, kif jista’ jiġi ttollerat tali disprezz għad-deċenza pubblika? Il-fatt stess li għaddejjin diskussjonijiet biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Belt Valletta ikunu jistgħu isiru mingħajr tfixkil jgħid ħafna dwar il-qagħda imwegħra preżenti.
It-tolleranza ma tfissirx l-abbandun tal-valuri u l-prinċipji li huma l-bażi tas-soċjetà. Jekk nemmnu tassew f’soċjetà demokratika mibnija fuq is-saltna tad-dritt, allura dak li qed jiġri fil-Belt ma jistax jitħalla qisu xejn mhu xejn.
Dan mhux inċident iżolat iżda parti minn xejra usa’ lejn in-normalizzazzjoni ta’ imġieba mhux etika. Il-legalizzazzjoni ta’ ċerti drogi taħt l-iskuża ta’ użu rikreattiv, il-klassifikazzjoni tal-pornografija bħala forma ta’ arti, u l-kurrenti biex id-drittijiet tal-bniedem jinkludu kwistjonijiet bħall-abort u l-ewtanasja, kollha jikkontribwixxu għal ambjent fejn il-valuri qed jiċċajpru u jitgħerrew.
Wasal iż-żmien li nġibu lura l-ispirtu tal-Belt Valletta bħala belt tal-ġentlomi, fejn jipprevalu r-rispett għad-diċenza pubblika u l-valuri tradizzjonali. Dan jirrikjedi sforz ġenwin kemm mill-awtoritajiet kif ukoll mis-soċjetà biex jinżammu l-prinċipji li ilhom jiddefinixxu l-identità tagħna. L-alternattiva hija li nkomplu ninżlu ’l isfel fit-tmermir morali u soċjali – xi ħaġa li ma tistax tiġi tollerata.