Mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti
Għadda xahar minn meta l-elettorat bagħat messaġġ ċar fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali: l-istatus quo m’għadux aċċettabbli. Il-poplu esprima n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu bit-tmexxija attwali ta’ pajjiżna u talab direzzjoni ġdida. Minkejja dan, ir-rispons minn dawk fil-poter s’issa ma kien xejn speċjali. Filwaqt li xi wħud ma tawx importanza lis-sinifikat tar-riżultat elettorali, oħrajn wiegħdu li kienu se jagħtu widen għal dak li qal l-elettorat. Madankollu, s’issa, kien hemm ftit li xejn x’juri li kien hemm xi bidla sinifikanti.
Il-kwistjonijiet li dwar l-elettorat mhux kuntent huma magħrufa sew. Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni qed tpoġġi piż esaġerat fuq l-infrastruttura tagħna, u tiddeterjora l-kwalità tal-ħajja. Il-livell fqir ta’ governanza, aggravat mill-arroganza ta’ ċerti membri tal-kabinett li jaġixxu aktar bħala membri ta’ xi monarkija aktar milli impjegati pubbliċi, iżid biss il-frustrazzjoni. L-iżvilupp esaġerat u mhux ikkontrollat, bl-ebda pjan ħolistiku biex jipproteġi l-irħula tagħna u l-pajsaġġ tradizzjonali, qed jhedded il-wirt kulturali tagħna.
Minkejja l-wegħdiet li saru immedjatament wara l-elezzjonijiet, ma kien hemm l-ebda azzjoni sinifikanti li tissuġġerixxi li dawn il-wegħdiet qed jittieħdu bis-serjetà. It-tħassib tal-elettorat għadu mhux indirizzat, u hekk kif nidħlu fil-waqfa tas-sajf, il-problemi mhux se jisparixxu – jikbru jistgħu.
Iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni teħtieġ intervent immedjatat u effettiv mill-politiċi biex ikun żgurat żvilupp sostenibbli u filwaqt li l-infrastruttura żżomm il-pass ma’ dan it-tkabbir. Il-governanza teħtieġ reviżjoni radikali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku. Dan ifisser mhux biss li tiġi indirizzata l-korruzzjoni u l-ineffiċjenza iżda wkoll li titrawwem kultura ta’ rispett u servizz fi ħdan il-gvern. Fir-rigward tal-iżvilupp żejjed, hemm bżonn ta’ strateġija ta’ ppjanar urban komprensiv biex nipproteġu l-irħula u l-pajsaġġ tagħna.
Iż-żmien għaddej. Il-messaġġ tal-elettorat kien ċar: il-bidla mhix mixtieqa biss; hi neċessarja. Jekk dan kollu mhux se jingħata widen ir-riżultat ikun li tkompli titmermer il-fiduċja tal-pubbliku u l- firdiet fis-soċjetà ikunu aktar fondi. Il-gvern irid jaġixxi issa biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet kritiċi, mhux biss bil-kliem, iżda b’azzjonijiet u politika konkreti li jirriflettu r-rieda tan-nies.
F’dan il-mument kruċjali, il-mexxejja tagħna għandhom għażla: li jkomplu fit-triq tal-aħħar snin jew li jqumu għall-okkażjoni u jmexxu lill-pajjiż lejn futur aħjar u aktar sostenibbli. L-elettorat tkellem. Wasal iż-żmien li l-mexxejja tagħna jisimgħu u jaġixxu kif xieraq.