Mill-2013 is-sejħiet dwar persuni bla saqaf fuq rashom żdiedu b’aktar mit-tripplu
Għalkemm fil-Gżejjer Maltin ma teżisti l-ebda statistika preċiża dwar in-numru ta’ persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom, ċifri uffiċjali li tpoġġew dan l-aħħar fil-parlament juru li każijiet bħal dawn fl-aħħar għaxar snin żdiedu b’aktar mit-tripplu.
Jirriżulta li f’sena n-numru ta’ sejħiet li daħlu fil-helpline immexxija mill-Istat, fuq 179, dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni mingħajr dar minn 158 fl-2013 telgħu għal aktar minn 500.
Il-kwistjoni tqajmet dan l-aħħar mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li staqsa dwar il-kobor tal-problema, u staqsa dwar in-numru ta’ persuni mingħajr post fiss fejn joqogħdu. Fi tweġiba qasira l-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon ippreżenta tabella li tiddeskrivi n-numru ta’ sejħiet “ġenwini” li daħlu fuq il-linja 179, bejn l-2013 u l-2022, dwar din il-kwistjoni delikata. L-istatistika tiddeskrivi wkoll il-perċentwali ta’ sejħiet dwar din il-kwistjoni mit-total tal-każijiet daħlu. Filwaqt li fl-2013 dawn kienu jammontaw għal 2% tas-sejħiet kollha, sal-2020 ir-rata kienet żdiedet għal 5% (645 sejħa) bi tnaqqis marġinali fis-sentejn ta’ wara għalkemm ir-rata baqgħet stabbli f’livell ta’ 4%.
Skont riċerka li saret mill-YMCA fl-2022, il-maġġoranza tan-nies joqogħdu f’xelters fejn Maltin 52%, b’26% huma barranin minn pajjiżi tal-Afrika ċentrali u tat-tramuntana. L-età medja ta’ dawn l-individwi kienet ta’ 37.5. Problemi finanzjarji ġew ikkwotati bħala r-raġuni biex spiċċaw bla dar minn terz ta’ dawk li wieġbu, segwiti minn kwistjonijiet mentali u psikoloġiċi (25%) u vjolenza domestika (24%).
Minbarra l-kwistjoni ovvja tal-akkomodazzjoni, persuni mingħajr indirizz fiss jiltaqgħu ma’ problemi meta japplikaw għal xogħol u ċertu servizz mill-Istat.
Il-kwistjoni hija pjuttost kumplessa, peress li mhux dawk kollha li huma bla dar awtomatikament jispiċċaw jgħixu fit-toroq. Konsegwentement, hemm ir-riskju li l-problema tibqa’ moħbija peress li dawk involuti direttament jistgħu jkunu qed joqogħdu f’xelters immexxija minn NGOs, jew joqogħdu temporanjament ma’ qraba jew ħbieb. Iċ-ċirkostanzi l-oħra jinkludu nies li qed jistennew li joħorġu minn xi istituzzjonijiet (sptar, ħabs, eċċ).