M’hemmx isbaħ li ngħixu f’pajjiżna
Hekk kif id-dinja qed tiftaħ bil-mod għall-ivjaġġar, dan huwa żmien tajjeb biex niftakru li qed noħorġu minn perijodu bla preċedent fl-istorja tal-bniedem. Qatt qabel ma kellna persuni li ma tħallewx isiefru lejn ħafna postijiet.
Issa l-mistoqsijiet il-kbar, għall-industrija tat-turiżmu u l-ivjaġġar, għall-miljuni ta’ impjiegi li huma appoġġjati minnha u għall-ivjaġġaturi internazzjonali, huma: L-affarijiet se jiġu lura għan-normal? X’se tkun in-normalità il-ġdida f’dan il-kuntest?
L-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li n-numru ta’ vjaġġaturi internazzjonali jista’ jaqa’ b’xi 80 fil-mija din is-sena. Wieħed jistaqsi: jista’ jkun li din id-daqqa kbira lit-turiżmu hija xi ħaġa tajba?
L-industrija tat-turiżmu ilha tiġi kkritikata minħabba l-impatt negattiv fuq l-ambjent. Imbagħad ġie l-COVID-19 u f’daqqa waħda jirriżulta li t-turiżmu, wara kollox, mhux daqshekk tajjeb minħabba t-tniġġis li jikkawża. It-turiżmu miċ-Ċina, fejn l-esperti jemmnu li minnha oriġinat l-imxija, assigura li l-virus kiseb l-istatus ta’ pandemija f’perijodu ta’ ġimgħat.
L-Università ta’ Cambridge qed tgħid li l-ekonomija dinjija tista’ titlef daqs $82 triljun fil-ħames snin li ġejjin minħabba danni kaġunati mill-pandemija.
Hekk kif l-Ewropa, inkuż pajjiżna, qed terġa’ tagħti l-ħajja lill-industrija tat-turiżmu, ħafna minna se nkunu qed naffaċċjaw stennijiet twal fl-ajruporti, prezzijiet għoljin għall-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni, tnaqqis fis-servizzi u aċċess limitat lejn zoni turistiċi u attrazzjonijiet kulturali. Imma oħrajn se jkunu qed inaqqsu mill-pjani għal xi vaganza, milli jieħdu sehem fit-tiġdid tat-turiżmu hekk kif dan qed jerġa’ jitla’ fuq saqajh bħala settur iżjed sikur u aktar sostenibbli.
Dan ifisser li se nkunu qed inqattgħu iżjed ħin id-dar u fil-komunitajiet tagħna, u għal dawk li jgħixu f’ċentri turistiċi, b’inqas turisti, se jkun hemm aktar bliet u rħula li jitgawdew minna l-Maltin.