Luttu kbir għal-liberta’ tal-espressjoni f’pajjiżna
Il-ġurnaliżmu Malti tilef pilastru tal-liberta’ ħielsa, tilef tarka tad-demokrazija. Il-pajjiż jinsab f’luttu bil-qtil viljakk tal-ġurnalista u blogger, Daphne Caruana Galizia.
It-Tnejn 16 ta’ Ottubru se jibqa’ imfakkar bħala jum ieħor iswed f’pajjiżna. Malta u ċ-ċittadini tagħha kienu taħt xokk kbir. Kulħadd kien maħsud b’dak li seħħ. Kien hemm min ħabbha u ammiraha għall-kuraġġ li kellha filwaqt li kien hemm min stmerrha. Iżda meta tisma’ b’dan l-omiċidju u bil-mod kif seħħ id-delitt, x’ma tinħasadx? Dan kien qtil pjanat u preċiż biex jelimina darba għal dejjem persuna li ma ddejqitx tikteb il-verita’.
Il-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia kien azzjoni miftuħa kontra l-liberta’ tal-espressjoni. Dan kien omiċidju vili u viljakk fejn min wettqu ma kienx kapaċi jaffronta l-persuna bil-kliem iżda minflok uża l-id moħbija tal-vjolenza u l-viljakkerija.
Is-sit elettroniku tagħha kiseb popolarita’ wara li hi żvelat l-akbar skandlu ta’ korruzzjoni fil-pajjiż – l-iskandlu tal-Panama kif ukoll skandli oħrajn li seħħew fl-aħħar snin. Kisbet ukoll popolarita’, fost oħrajn, wara li hi allegatament kienet qalet ta’ min hi l-kumpanija Egrant.
Jien niftakar lil Daphne Caruana Galizia meta lura fl-1994 konna nattendu flimkien lezzjonijiet tal-Antropoloġija fl-Universita’ ta’ Malta. Ma kinitx tibża’ targumenta mal-letturi tagħna u kienet tmur lil hinn mill-kotba u min-noti li konna ningħataw. Kienet tistaqsi dwar kollox u nazzarda ngħid li xi kultant kienet tkun passejn ‘il quddiem fit-tfassil tal-ħsieb u fid-diskussjonijiet li kien ikollna mal-akkademiċi.
Filwaqt li jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, Voice of the Workers jawgura li ssir ġustizzja malajr u ma jinħeliex iż-żmien biex il-ħati jew il-ħatja jinqabdu u jiġu kkastigati ta’ għemilhom. Dan il-portal jilqa’ l-aħbar li għandha ssir investigazzjoni indipendenti u jilqa’ wkoll il-wasla ta’ investigaturi barranin sabiex dan id-delitt ikun solvut fi żmien qasir.
Din il-ġrajja kerha għal pajjiżna mhix se twaqqafna milli nesprimu ruħna b’mod ħieles. Veru li lkoll kemm aħna ninsabu rrabjati u mnikkta b’dak li ġara. Hu veru wkoll li m’aħniex ngħixu f’pajjiż normali għax f’pajjiż normali min jikxef l-għawar ta’ ħaddieħor ma jinqatilx. Iżda ma rridux nieqfu niżvelaw il-verita’. Għandna inkomplu niġġieldu l-ħażen u l-korruzjoni li ħonqu lil pajjiżna.