Lura għall-iskola?
Il-ġenituri, bir-raġun, qed jistaqsu jekk l-iskejjel humiex se jiftħu fi tmiem ix-xahar id-dieħel. Madankollu, is-sens komun jgħid li l-iskejjel għandhom biss jinfetħu mill-ġdid meta s-sitwazzjoni tkun sikura għall-istudenti u għall-istaff kollu.
Lura għall-iskola x’aktarx se tkun kemmxejn differenti minn dik li l-ġenituri jew min jieħu ħsieb l-ulied kienu mdorrija qabel. Huwa possibbli li l-iskejjel jiftħu mill-ġdid għal perijodu ta’ żmien imbagħad tista’ tittieħed deċiżjoni li jingħalqu mill-ġdid u dan jiddependi miċ-ċirkostanzi. Minħabba li s-sitwazzjoni tal-pandemija qed tevolvi, l-awtoritajiet se jkollhom ikunu flessibbli u lesti biex jaddattaw ħalli jassiguraw is-sigurtà ta’ kull student.
Anki jekk l-awtoritajiet għadhom ma ddeċidewx li jiftħu l-iskejjel mill-ġdid, suppost li diġà għamlu pjanar dettaljat biex jassigura li l-istudenti, l-għalliema u l-istaff ikunu ħielsa mill-periklu meta jirritornaw l-iskola filwaqt li l-ġenituri u min jieħu ħsieb l-ulied ikunu kunfidenti li jibgħatu lit-tfal lura għall-iskola.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għandu jkun konsistenti mar-rispons sħiħ tal-pajjiż dwar is-saħħa sabiex jipproteġi lill-istudenti, l-istaff, l-għalliema u l-familji tagħhom. L-iskejjel jistgħu jieħdu miżuri prattiċi, bħal, ħinijiet differenti fil-bidu u t-tmiem tal-ġurnata tal-iskola, ħinijiet differenti għall-ikel u t-tħaddim ta’ xiftijiet biex jitnaqqas id-daqs tal-klassi.
Barra minn hekk, faċilitajiet għall-ilma u l-iġjene se jkunu parti kruċjali biex l-iskejjel jiftħu mill-ġdid b’mod sikur. L-amministraturi għandhom iħarsu lejn opportunitajiet biex itejbu l-miżuri ta’ iġjene, inkluż il-ħasil tal-idejn, l-etikett respiratorju (jiġifieri li wieħed jisgħol u jagħtas fuq ġewwa tal-minkeb), miżuri dwar id-distanza soċjali u proċeduri ta’ tindif tal-faċilitajiet. L-istaff amministrattiv u l-għalliema ukoll għandhom ikunu mħarrġa dwar id-distanza fiżika u prattiċi fl-iġjene tal-iskola.
Matul is-sena skolatsika li għaddiet, l-istudenti ppersistew mal-lezzjonijiet tagħhom taħt ċirkostanzi diffiċli, bl-appoġġ tal-għalliema dedikati tagħhom u tal-ġenituri. Madankollu, ħafna studenti se jkollhom bżonn iżjed appoġġ biex ilaħħqu mat-tagħlim tagħhom meta l-iskejjel jiftħu mill-ġdid.
Xi skejjel forsi qed jagħmlu pjani għal tali lezzjonijiet biex jgħinu lill-istudenti jilħqu lil sħabhom. Jistgħu jibdew is-sena b’refresher courses jew xogħol supplimentari li jsir id-dar. Peress li teżisti l-possibbiltà li ħafna skejjel ma jiftħux full-timejew mhux għal kulħadd, l-iskejjel jistgħu jimplimentaw mudelli ta’ “tagħlim imħallat”, jiġifieri, taħlita ta’ tagħlim fil-klassi u edukazzjoni online.
Barra minn hekk, irridu niftakru li t-tfal u l-istudenti se jkunu qed jitħabtu mal-istress, li qed iġġib magħha din il-pandemija, b’mod differenti mill-adulti. Allura jrid jinħoloq ambjent ta’ appoġġ u trawwim filwaqt li nirrispondu b’mod pożittiv għall-mistoqsijiet u espressjonijiet tal-emozzjonijiet tagħhom.
Nistgħu nuru appoġġ u ngħidu lit-tfal li huwa normali li nħossuna frustrati jew anzjużi fi żmien bħal dan. Il-ġenituri jew min jieħu ħsieb l-ulied jistgħu jgħinu lit-tfal biex iżommu mar-rutini tagħhom u jagħmlu t-tagħlim divertenti billi jinkorporawh fl-attivitajiet ta’ kuljum bħal ħin għall-qari jew logħob. Għażla oħra tista’ tkun li wieħed jingħaqad ma’ grupp ta’ familji biex jikkomunika ma’ familji oħrajn li għaddejjin mill-istess esperjenza sabiex jaqsmu l-għajnuniet u jirċievu l-appoġġ.