Liġi ġdida li tiġġieled id-deforestazzjoni globali
Biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, din il-liġi tobbliga l-kumpaniji jiżguraw li l-prodotti mibjugħa fl-UE ma kkawżax deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti.
Filwaqt li mhux se jkun hemm projbizzjoni fuq l-ebda pajjiż jew komodità, il-kumpaniji se jitħallew biss ibigħu prodotti fl-UE jekk il-fornitur tal-prodott ikun ħareġ l-hekk imsejħa dikjarazzjoni taʼ “diliġenza dovuta” li tikkonferma li l-prodott mhux ġej minn art deforestata jew ikkawża degradazzjoni tal-foresti, fosthom foresti primarji insostitwibbli, wara l-31 taʼ Diċembru 2020.
Kif mitlub mill-Parlament, il-kumpaniji se jkollhom ukoll jivverifikaw li dawn il-prodotti jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż taʼ produzzjoni, inkluża dik dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li d-drittijiet tal-popli indiġeni affettwati ġew rispettati.
Prodotti koperti
Il-prodotti koperti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida huma: baqar, kawkaw, kafè, żejt tal-palm, soja u njam, inklużi prodotti li fihom dawn il-komoditajiet (bħall-ġilda, ċikkulata u għamara), ikunu ġew mitmugħa jew ikunu saru bihom, bħal fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Matul in-negozjati, il-Membri tal-PE rnexxielhom iżidu l-lasktu, il-karbonju, il-prodotti tal-karta stampata u numru taʼ derivattivi taż-żejt tal-palm. Il-Parlament iggarantixxa definizzjoni usaʼ tad-degradazzjoni tal-foresti li tinkludi l-konverżjoni tal-foresti primarji jew tal-foresti li jirriġeneraw naturalment fʼforesti tal-pjantaġġuni jew f’art imsaġġra oħra.
Kontrolli bbażati fuq ir-riskju
Il-Kummissjoni se tikklassifika l-pajjiżi, jew partijiet minnhom, skont jekk ikollhomx riskju baxx, standard jew għoli permezz taʼ valutazzjoni oġġettiva u trasparenti fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ taʼ dan ir-regolament. Prodotti minn pajjiżi bʼriskju baxx se jkunu soġġetti għal proċedura simplifikata taʼ diliġenza dovuta. Il-proporzjon tal-kontrolli titwettaq fuq l-operaturi skont il-livell taʼ riskju tal-pajjiż: 9% għal riskju għoli, 3% għal riskju standard u 1% għal riskju baxx.
L-awtoritajiet kompetenti tal-UE se jkollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti pprovduta mill-kumpaniji, bħall-koordinati tal-ġeolokalizzazzjoni, u jwettqu kontrolli bl-għajnuna taʼ għodod taʼ monitoraġġ bis-satellita u analiżi tad-DNA biex jiċċekkjaw minn fejn huma ġejjin il-prodotti.
Il-penali għal nuqqas taʼ konformità għandhom ikunu proporzjonati u dissważivi u l-multa massima trid tkun tal-anqas 4% tal-fatturat annwali totali fl-UE tal-operatur jew il-kummerċjant mhux konformi.
Il-liġi l-ġdida ġiet adottata bʼ522 vot favur, 44 kontra u 43 astensjoni.
Il-passi li jmiss
It-test issa jrid jiġi approvat formalment mill-Kunsill. Imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ wara 20 ġurnata.