L-UE trid tgħin biex tissalvagwardja l-indipendenza tal-media
L-Ewro Parlamentari responsabbli mil-Libertajiet Ċivili jisħqu li l-istati membri tal-UE għandhom “joħolqu u jsostnu, fil-liġi u fil-prattika, ambjent għall-ġurnalisti li jkunu ħielsa mill-periklu.
Ir-resoluzzjoni mhux leġislattiva, abbozzata minn Barbara Spinelli, kienet approvata b’44 vot kontra tlieta u b’erba’ astensjonijiet.
L-Ewro Parlamentari jistaqsu lill-istati membri sabiex jassiguraw finanzi pubbliċi adekwati ħalli l-media pluralista, indipendenti u ħielsa tkun salvagwardjata. Isejħu wkoll sabiex jissaħħaħ l-appoġġ finanzjarju lil min jipprovdi s-servizz pubbliku u l-ġurnaliżmu investigattiv, filwaqt li jieqfu milli jinvolvu ruħhom f’deċiżjonijiet editorjali.
L-iskrutinju regolari tal-liberta’ tal-espressjoni
Sabiex il-ġurnalisti jkunu protetti mill-vjolenza u t-theddid, korp regolatorju indipendenti u imparzjali għandu jitwaqqaf, b’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ġurnalistiċi, sabiex il-vjolenza tkun monitorjata u rappurtata. Dawk il-ġurnalisti li l-liberta’ tagħhom ġiet mhedda jeħtieġu proċeduri legali li jkunu effettivi sabiex jevitaw milli jkunu ċċensurati.
Il-bullying fuq l-internet, it-tpattija permezz tal-pornografija u l-abbuż sesswali fuq it-tfal
L-Ewro Parlamentari huma mħassba dwar iż-żieda fis-cyberbullying, it-tpattija bil-pornografija u l-abbuż sesswali fuq it-tfal filwaqt li jisħqu li l-media tal-massa għandha tirrispetta b’mod sħiħ l-interessi u d-drittijiet tal-minuri. Huma jsejħu għal leġislazzjoni, inkluż il-provvedimenti għas-sejbien u t-tneħħija mill-media soċjali ta’ kontenut li jagħmel ħsara lid-dinjita’ umana.
L-anonimita’ u l-kodifikazzjoni: għodda essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi u l-libertajiet
L-Ewro Parlamentari jisħqu li r-restrizzjonijiet dwar il-kodifikazzjoni u l-anonimita’ għandhom ikunu legali, neċessarji u proporzjonati.
L-aħbarijiet ‘foloz’: il-verifikar tal-fatti hu aktar faċli fl-era diġitali
It-test tal-leġislazzjoni jinnota li l-użu tat-terminu “aħbarijiet foloz” m’għandu “qatt ikun mmirat sabiex jostakola l-fiduċja pubblika fil-media, fl-iskreditar u l-kriminalizzazzjoni ta’ vuċijiet kritiċi”.
Sabiex iħaddan l-informazzjoni oġġettiva u jipproteġiha, il-membri fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili jinkoraġġixxu lill-kumpaniji tal-media soċjali u pjattaformi fuq l-internet sabiex jiżviluppaw għodda għal min jirrapporta u jiġbed l-attenzjoni dwar il-possibbilta’ ta’ aħbarijiet foloz, jiffaċilitaw it-tiswija u jippermettu verifiki minn terzi organizzazzjonijiet ċertifikati, indipendenti u imparzjali.
Finalment, l-Ewro Parlamentari jsejħu lill-istati membri sabiex jintegraw il-litteriżmu tal-media u l-informazzjoni fis-sistemi edukattivi nazzjonali.