L-NGOs jesponu abbużi fid-drittijiet fil-katini tas-supermarkets fl-UE
Il-katini fil-provvista tal-ikel jinsabu fi kriżi. Oxfam, il-konfederazzjoni ta’ 20 organizzazzjoni independenti tal-karità, sabet li dawn huma mifnija bi vjolazzjonijiet fid-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u tan-nisa. Xogħol sfurzat u tbatija moħbija huma ingredjenti mhux mixtieqa fi prodotti li jvarjaw mit-te għall-kokotina sal-frott u l-ħaxix, il-laħaq u l-ikel tal-baħar. Il-faqar f’dawn il-katini tal-provvista huwa n-norma, mhux l-eċċezzjoni, u d-diskriminazzjoni bejn is-sessi hi minsuġa fit-tessut tagħhom.
Riċerka li ġiet ikkummissjonata dan l-aħħar għal Oxfam, dwar it-te Assam li għandu x’jaqsam mal-katini ta’ provvista ta’ diversi supermarkets internazzjonali, turi l-ispiża umana ta’ sfruttament li ma jidhirx. Ir-riċerka dwar it-te Assam turi l-estremità u l-iskala tat-tbatija umana f’dan ir-reġjun remot fil-Grigal tal-Indja. Intervisti ma’ 510 ħaddiem dwar 50 zoni fit-tkabbir tat-te u li huma marbutin ma’ katini tas-supermarkets domestiċi u internazzjonali jiżvelaw li l-ħaddiema qed ikunu sistematikament imċaħħdin minn drittijiethom għal kundizzjonijiet diċenti ta’ xogħol u għixien.
Ir-riċerka kkummissjonata minn Oxfam turi li nofs il-ħaddiema intervistati f’Assam jirċievu ration card għax ma jistgħux jgħixu bil-pagi tagħhom, terz ta’ dawk intervistati esperjenzaw dejn rikorrenti, u wħud irrappurtaw li baqgħu fuq l-istess (tassew baxx) grad ta’ ħlas għal bejn 15 u 20 sena.
Ir-riċerka turi li n-nisa jistgħu joqogħdu jaħdmu sa 13-il siegħa kuljum wara biss sitt sigħat serħan. Ħafna ħaddiema m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb, li jfisser li mardiet bħal il-kolera u t-tifojde huma komuni fuq l-artijiet għat-tkabbir tat-te f’Assam. Fil-qalba ta’ din il-kriżi hemm l-inugwaljanza tal-poter, li jfisser li s-supermarkets u ditti kbar tat-te jistgħu jeżerċitaw għafsa ferm ikbar fuq l-artijiet li jissupplixxuhom b’te ta’ Assam b’tikketta privata jew tad-ditta.
Ir-riċerka kkummissjonata minn Oxfam tistma li fis-suq domestiku Indjan, is-supermarkets u ditti tat-te jirċievu 58 fil-mija tal-prezz finali tal-konsumatur għal te iswed ipproċessat minn Assam, b’sebgħa fil-mija biss tmur għall-ħaddiema fuq l-artijiet tat-te.