L-Istat tal-UE: l-Ukrajna, il-Patt Ekoloġiku, l-Ekonomija, iċ-Ċina, l-Intelliġenza Artifiċjali ttrattati fid-dibattitu
Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-President tal-PE, Roberta Metsola qalet: “L-Unjoni Ewropea llum hija aktar b’saħħitha, u aktar magħquda minn qatt qabel. Id-dinja qed tinbidel u l-Ewropa trid tadatta u tinbidel magħha wkoll. Irridu nibqgħu nistinkaw biex nagħmlu l-Ewropa tagħna post ta’ opportunitajiet indaqs, ta’ aċċess, ta’ prosperità — fejn kulħadd jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu. U jeħtieġ li nibqgħu nirriformaw. Għandna dejjem inżommu t-tħassib tan-nies fiċ-ċentru tal-azzjonijiet kollha tagħna.”
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet li l-UE għaddiet minn trasformazzjoni sostanzjali minn meta ppreżentat il-programm tagħha għall-ewwel darba fl-2019, u żiedet tgħid: “Wettaqna aktar minn 90 % tal-linji gwida politiċi li ppreżentajt” dik is-sena.
Dwar il-Patt Ekoloġiku, il-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-Ewropa, von der Leyen qalet li filwaqt li kien ser tinżamm il-kompetittività tiegħu, kienet ser titnieda investigazzjoni kontra s-sussidji fir-rigward tal-vetturi elettriċi Ċiniżi. “Irridu niddefendu lilna nfusna kontra prattiki inġusti” qalet.
Il-President von der Leyen enfasizzat l-importanza ta’ tranżizzjoni ġusta għall-bdiewa, il-familji u l-industrija u li “l-Ewropa se tagħmel dak kollu meħtieġ biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha.” Hija ħabbret verifika tal-kompetittività minn bord indipendenti għal kull leġiżlazzjoni ġdida.
Fir-rigward tal-Intelliġenza Artifiċjali, von der Leyen qalet li din se ttejjeb il-kura tas-saħħa, tagħti spinta lill-produttività u tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. “Il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni hija li tiżgura li l-IA tiżviluppa b’mod iċċentrat fuq il-bniedem, trasparenti u responsabbli” qalet, u appellat ukoll għal bord internazzjonali ta’ esperti simili għall-IPCC dwar it-tibdil fil-klima biex imexxi l-iżvilupp tiegħu.
Dwar l-Ukrajna, ħabbret li l-Kummissjoni se tipproponi l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja tal-UE għall-Ukreni u €50 biljun addizzjonali fuq erba’ snin għall-investiment u r-riformi. “L-appoġġ tagħna lill-Ukrajna ser jibqa’ fit-tul.”
Il-President tal-Kummissjoni rreferiet wkoll għall-istat tad-dritt, it-tkabbir, il-migrazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, l-inizjattiva Global Gateway, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, u Summit tas-Sħab Soċjali li jmiss.