Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Mejju, delegazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili kkonkludiet iż-żjara tagħha f’Malta, li ġiet organizzata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRFMG).

Id-delegazzjoni kienet magħmula minn Vladimír BILČÍK (PPE, SK), Franco ROBERTI (S&D, IT), Sophie IN ‘T VELD (Renew, NL) bħala President tad-Delegazzjoni, Gwendoline DELBOS-CORFIELD (Verts/ALE, FR), Nicolaus FEST (ID, DE), u Konstantinos ARVANITIS (The Left, EL). Huma ġabru informazzjoni diretta u vvalutaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, ir-riformi ġudizzjarji reċenti, is-sikurezza tal-ġurnalisti, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, u l-iskemi ta’ ċittadinanza u residenza permezz t’investiment.


Sophie in ‘t Veld, President tad-DRFMG u tad-delegazzjoni, qalet:

“Iż-żjara f’Malta saret fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ li ilu għaddej mill-2018, u b’mod aktar partikolari fl-isfond ta’ dibattitu intensifikat dwar l-importanza tal-istat tad-dritt fl-Ewropa, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-fondi tal-UE. Napprezzaw id-disponibbiltà kontinwa tal-awtoritajiet Maltin u tal-gvern għad-djalogu u l-iskambju.

“Sabiex titwaqqaf il-kultura ta’ impunità deskritta mill-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jeħtieġ rikonoxximent profond u transpartitiku tal-problemi, u sforz mill-partiti flimkien biex jiġu implimentati bis-sħiħ u b’mod korrett l-ittra u l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Bord ta’ Inkjesta Pubblika, tal-Kummissjoni Venezja u l-GRECO.

“Id-delegazzjoni tilqa’ għadd ta’ riformi li nbdew jew tqiegħdu fuq l-aġenda politika mill-aħħar żjara tagħna f’Diċembru 2019. Madankollu, il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet għad iridu jiġu implimentati jew jitlestew.

“F’dan ir-rigward, id-delegazzjoni tibża’ li ċertu sens ta’ urġenza ntilef, filwaqt li ħafna mill-isfidi fundamentali f’Malta għadhom jippersistu. Id-delegazzjoni għalhekk tinsisti fuq il-ħtieġa urġenti li jitħaffef il-pass għall-attwazzjoni tar-riformi leġislattivi meħtieġa.

“Ħafna mill-interlokuturi tagħna ddeskrivew proċedimenti li jdumu żmien twil u kapaċità insuffiċjenti bħala tnejn mill-problemi ewlenin relatati mas-sistema ġudizzjarja. Id-delegazzjoni tinsab ixxukkjata li aktar minn erba’ snin u nofs wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għadha ma saritx ġustizzja, u għadd ta’ akkużati, inkluż dak li kkmanda, għadhom ma ġewx ikkundannati. Il-ġustizzja li ddum biex issir hija ġustizzja miċħuda. Mingħajr ma ssir ġustizzja, il-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni qatt ma jistgħu jinkisbu bis-sħiħ.

“Fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati b’mod ġenerali, id-delegazzjoni tilqa’ l-fatt li qed jiżdiedu l-kapaċitajiet. Id-delegazzjoni tilqa’ r-riforma fil-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin, u r-riforma li għaddejja tal-uffiċċju u r-rwol tal-Avukat Ġenerali. Madankollu, għadu kmieni wisq biex jiġu vvalutati l-bidliet.

“Nilqgħu wkoll l-isforzi tal-FIAU li diġà taw riżultati tanġibbli. B’mod ġenerali, huwa essenzjali li jkun hemm prosekuzzjoni rigoruża ta’ reati finanzjarji u ekonomiċi ta’ profil għoli, speċjalment il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Id-DRFMG se jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fir-rigward tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità. Id-delegazzjoni tilqa’ r-riferimenti reċenti lill- Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE), madankollu l-għadd globali ta’ każijiet għadu relattivament baxx meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra u d-delegazzjoni tikkondividi l-osservazzjonijiet tal-Kap Prosekutur Ewropew li s-sistema Maltija għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati għadha opaka.

“Id-delegazzjoni tenfasizza li l-programm Malti ta’ Ċittadinanza b’Investiment (CBI) jibqa’ sors ta’ tħassib kbir, kif ukoll il-pożizzjoni tal-Parlament li ċ-ċittadinanza tal-UE mhijiex għall-bejgħ, u tappella biex jitneħħa immedjatament il-programm. Jeħtieġ li jiġi mtenni li Malta hija l-aħħar pajjiż fl-UE li qed imexxi tali skema ta’ ċittadinanza. Huwa ta’ dispjaċir li t-tħassib ippreżentat mid-delegazzjoni ma ntlaqgħax mill-Gvern, li indika li l-programm tas-CBI se jkompli sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni projbittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

“L-ostakli għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, pereżempju fir-rigward tal-aċċess għal talbiet għall-informazzjoni, kif ukoll il-finanzjament potenzjalment diskriminatorju tal-mezzi tal-midja, għadhom jippersistu u jeħtieġ li jiġu indirizzati. Id-delegazzjoni tirrikonoxxi li l-gvern ressaq proposta għal liġi anti-SLAPP, iżda fl-istess ħin tiddeplora l-fatt li l-ġurnalisti, kif ukoll il-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia wara mewtha, għadhom fil-mira ta’ kawżi frivoli bħal dawn, u ttenni l-appell urġenti tagħha biex il-kawżi jitwaqqgħu.

“Nappellaw lill-awtoritajiet biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti f’kull ħin u jissalvagwardjaw l-indipendenza tagħhom.

“Id-delegazzjoni hija mħassba dwar id-djun akkumulati miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, kif ukoll in-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-finanzjament tal-partiti f’Malta. Il-prattika ta’ parlament part-time qajmet mistoqsijiet addizzjonali fir-rigward tal-kapaċità li jiġu implimentati r-riformi u li tiġi trasposta l-leġiżlazzjoni tal-UE.

“Aħna nqisu wkoll li s-separazzjoni tas-setgħat u l-ħtieġa li l-gvern jinżamm responsabbli, jeħtieġu mezzi ugwali għall-Membri Parlamentari, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika.

“Id-DRFMG se jkompli jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi f’Malta. Jeħtieġ ukoll li nenfasizzaw li l-istandards tal-istat tad-dritt tal-UE jridu jiġu rrispettati bis-sħiħ u li l-istituzzjonijiet għandu jkollhom għodod li jiżguraw skrutinju akbar, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament tal-UE.”

Tista’ tara reġistrazzjoni tal-konferenza stampa li saret fi tmiem iż-żjara fiċ-Ċentru Multimedjali tal-Parlament.