L-invażjoni Russa tal-Ukrajna – sena wara
Bħal dan iż-żmien sena, ir-Russja invadiet l-Ukrajna f’att ta’ aggressjoni li qanqal memorji tal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Sena ilu, ħafna kienu jaħsbu li din l-‘operazzjoni militari’ kif kienet imsejjħa mill-kmand Russu, kienet se ddum ftit ġimgħat li fi tmiemhom l-Ukrajna kienet se ċċedi jew tintrebaħ. Madankollu, din il-gwerra għadha għaddejja u ftit hemm prospetti li tintemm dalwaqt. Filwaqt li minn naħa id-determinazzjoni tal-Ukreni li qamu biex jiddefendu art twelidhom għandha tiġi mfaħħra, in-naħa l-oħra tal-munita hi li din il-gwerra qed tqanqal mistoqsijiet serji jekk tistax teskala aktar. Dan se jkollu konsegwenzi globali li se jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija.
Minn perspettiva militari, id-deċiżjoni ta’ Putin dwar is-sospensjoni tat-trattat dwar il-kontroll tal-armi nukleari xejn ma tawgura tajjeb. Min-naħa l-oħra, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wiegħed li jkompli jforni l-armi lill-Ukrajna permezz tan-NATO filwaqt li wissa li lesti jiddefendu kull pulzier f’każ li membru tal-blokk jiġi attakkat.
Jekk inħarsu ’l quddiem, hemm diversi lezzjonijiet x’nistgħu nieħdu. L-ewwelnett, l-impressjoni li l-paċi fl-Ewropa hi xi ħaġa ċerta theżżet mill-pedamenti. Il-perċezzjoni li l-kontinent tagħna ma jista’ qatt ikun involut f’kunflitti militari jew li theddida bħal din ma teżistix, hi perikoluża ħafna. Tabilħaqq, l-Ewropa tista’ tkun qed tasal fi stadju li trid tagħżel jekk għandhiex tiddefendi l-libertà akkost ta’ kollox inkluż b’mezzi militari, tagħmel kompromess bit-tama li tevita l-gwerra. Filwaqt li d-diplomazija għandha tingħata kull ċans, kien hemm każijiet fejn il-kompromessi kienu r-riċetta għad-diżastru, minkejja l-intenzjonijiet nobbli ta’ dawk li kienu favur il-paċi akkost ta’ kollox. Dan ġara bil-kriżi tas-Sudeti fl-1938 li tat raġun lil Hitleru xejn aktar. F’dan il-każ kull proposta biex jingħataw konċessjonijiet territorjali lir-Russja biex ikun hemm il-paċi isservi biss biex ikun ippremjat l-aġir ta’ Putin li jirrikorri għall-vjolenza, u jista’ saħansitra jwassal biex jirrepeti dan l-atteġjament fuq pajjiżi oħra.
Ikun xi jkun ix-xenarju, l-żgur li se jkollna nħallsu prezz qares. F’każ ta’ eskalazzjoni militari, jintilfu aktar ħajjiet u eluf oħra jispiċċaw f’miżerja. Minn perspettiva ekonomika, dan jirriżulta wkoll f’inflazzjoni ogħla li mbagħad tkompli tiekol mis-saħħa tal-pagi tal-ħaddiema.
Madankollu, li wieħed jipprova jfittex il-paċi permezz ta’ konċessjonijiet territorjali ifisser li jkun qed jippremja l-użu tal-vjolenza fuq id-diplomazija u fuq is-saltna tad-dritt. F’dak il-każ kwalunkwe gwadann li jkun hemm fl-immedjat f’termini ta’ stabbiltà jista’ jinkiseb b’detriment ta’ theddida akbar fil-futur peress li dan joħloq preċedent perikoluż.
Is-sitwazzjoni hija tassew delikata. Nittamaw li ma niġux f’sitwazzjoni fejn il-mexxejja tad-dinja jsibu ruħhom darhom mal-ħajt. S’issa jidher li r-Russja marret żball fuq din l-operazzjoni militari, bħalma kien il-każ tal-Istati Uniti fil-Vjetnam jew l-Unjoni Sovjetika fl-Afganistan. Dan jista’ jkun aspett kruċjali, peress li jista’ jbiddel il-burdata politika f’Moska sal-punt li l-unika soluzzjoni tkun li jinstab mezz kif ir-Russja ttemm il-gwerra taħt xi skuża jew oħra, mingħajr ma tammetti telfa u mingħajr ma ssofri xi umiljazzjoni. Huwa għalhekk li l-għaqda hija essenzjali biex niffaċċjaw din il-kriżi, peress li kwalunkwe xquq jew diżgwid iservu biss biex min kien wara din l-aggressjoni jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni.