“L-interessi ta’ Malta huma prijorita’” – l-Ewro Parlamentari Miriam Dalli
Minn Hermann Micallef
“Il-prijorita’ tieghi hija li nara li l-interessi ta’ pajjiżi jkunu mħarsa f’kull fora”. Hekk sostniet l-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli fit-tieni parti ta’ intervista li saret minn Voice of the Workers.
Mistoqsija jekk għandhiex interess tikkontesta l-kariga ta’ mexxej Laburista, hi ma weġbitx b’mod skjett imma b’mod diplomatiku qalet, fost oħrajn, li “meta jasal il-mument, kull wieħed għandu jara x’ikun il-bżonn tal-pajjiż u tal-Partit Laburista”.
F’din it-tieni taqsima tal-intervista, l-Ewro Parlamentari Laburista tenfasizza dwar il-bżonn li jkun hemm regoli aktar stretti sabiex uliedna, għada pitgħada, jgawdu ambjent aħjar. Titkellem ukoll dwar il-prerogattiva tagħha kontra t-tniġġiż mit-traffiku.
Fl-opinjoni tagħha, l-aqwa żmien għal Malta għadu ġej.
It-tieni parti ta’ din l-intervista hi kif ġej:
Mill-esperjenza tiegħek fl-Ewropa, taħseb li wasal iż-żmien biex Malta jkollha Master Plan Nazzjonali fejn jidħol l-ambjent?
Sabiex nissalvagwardjaw l-ambjent irridu naraw li dak li qed nibnu huwa tassew sostenibbli u li għandu valur għal tul ta’ żmien. Irridu naraw li dak li qed nghidu “iva” għalih għandux valur soċjo-ekonomiku b’saħħtu jew le. Sabiex nissalvagwardjaw l-ambjent ma rridux inħarsu biss lejn il-permessi li joħorġu imma anke x’tip ta’ strutturi qed nibnu u l-estetika tagħhom.
Issa li għandna tkabbir ekonomiku li pajjizna kien jeħtieg, nemmen li hemm bżonn ta’ soluzzjoni u pjan long-term biex nassiguraw il-preservazzjoni tal-ambjent naturali tagħna. Hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku li jipproteġi l-pajsaġġ naturali ta’ pajjiżna. Hemm bżonn ta’ regoli aktar stretti li japplikaw għal kulħadd biex nassiguraw li lit-tfal tagħna u l-ġenerazjonijiet ta’ warajna nħallulhom żvilupp sostenibbli u kampanja li jistgħu jgawdu. Fl-istess waqt irridu naċċertaw kwalità ta’ arja aktar nadifa, billi nindirizzaw it-trasport kif għamilna fil-qasam tal-Enerġija. F’dan ir-rigward se nagħmel l-almu kollu tieghi biex il-liġi li għandha twassal għal tnaqqis ta’ tniġġiż mill-karozzi taħdem u tħalli l-effett mixtieq fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea inkluż Malta.
“Il-Partit Laburista jirrapreżenta l-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni”
Huwa ġust li niffokaw l-ekonomija tagħna fuq il-kostruzzjoni u l-iżvilupp meta l-art hi skarsa?
L-ekonomija li għandna llum il-gurnata hija ekonomija mifruxa li qed tattira investituri u ħaddiema lejha aktar minn qatt qabel. Ifisser li jrid ikollna policies li joħolqu bilanċ u jassiguraw żvilupp li jkun sostenibbli biex tlaħħaq ma’ domanda ta’ popolazzjoni dejjem tikber u li llum qed tlaħħaq l-460,000.
Qabel ma nużaw art ġdida importanti li naraw li qed nagħmlu l-aħjar uzu tal-art eżistenti li diġa’ hija żviluppata. Pożittiva f’dan ir-rigward hi l-inizjattiva li nieda l-gvern riċentament f’każijiet ta’ proprjetajiet li ilhom aktar minn sena vojta u li s-sidien tagħhom jistghu igawdu minn somma ta’ €25,000 biex jirranġaw il-post imbagħad il-Gvern jikri mingħand is-sid l-istess post għal 10 snin b’rata raġonevoli. Din hija inizjattiva li tolqot żewġ kwisjtonijiet ewlenin: il-kwistjoni ta’ bini vojt u l-kwistjoni ta’ housing soċjali.
Fid-dawl tad-diċeriji u dak li qed jintqal fil-media, inti mħajjra tikkontesta l-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista? Jekk iva, għaliex?
Il-prijorita’ tieghi hija li nara li l-interessi ta’ pajjiżi jkunu mħarsa f’kull fora, inkluż fil-fora Ewropej fejn qed naħdem bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Il-Prim Ministru Joseph Muscat fadallu ħafna aktar snin ta’ ħidma x’joffri. Meta jasal il-mument, kull wieħed għandu jara x’ikun il-bżonn tal-pajjiż u tal-Partit Laburista. L-interess ta’ pajjiżi f’dan il-mument huwa li naċċerta li nwettqu dak li wegħdna u li mmexxu ‘l quddiem dan il-pajjiż bl-aħjar mod. Il-Partit Laburista jirrapreżenta l-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni u għalhekk irridu naraw li nibqgħu rilevanti u noħolqu l-ġid filwaqt li jkollna titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji.
“Il-prijorita’ tieghi hija li nara li l-interessi ta’ pajjiżi jkunu mħarsa f’kull fora.”
F’artiklu miktub minnek inti għidt li l-aħjar żmien għal Malta għadu ġej. X’ġej fuq pajjiżna?
Fl-ewwel legiżlatura taħt Gvern laburista rajna l-ekonomija tal-pajjiż tikber u timxi ‘l quddiem. Rajna l-poplu jimxi ‘l quddiem fl-istatus soċjali tiegħu u bdejna naraw il-ġid li kien qed jiġi ġġenerat imur għand il-poplu. L-aħjar żmien għadu ġej għax mhux se nieqfu naħdmu biex kull Malti u Għawdxi, kull Maltija u Għawdxija verament ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.