Mur kellem lill-anzjani hemm barra u ħafna minnhom jgħidulek li l-pensjoni mhux qed isservihom sal-aħħar tax-xahar. 

Filwaqt li għolew il-prezzijiet tal-kommoditajiet u tas-servizzi kif ukoll żdiedu l-pagi, il-pensjonijiet baqgħu lura. Għaldaqstant id-diskrepanza bejn dawk li jaqilgħu ħafna u l-pensjonanti li  jaqilgħu ftit qiegħda tikber. Din  hi l-problema kollha. 

Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, se  jkun hemm aktar minn 22,000 anzjan li  jkunu fir-riskju tal-faqar.  

Sors li tkellem ma’  din il-portal fisser li llum hemm kejl sabiex wieħed ikun jaf min hu fir-riskju tal-faqar. Iżda, sfortunatament, dan il-kejl mhux qed jintuża kif suppost. Persuna, hi min hi, ma jistax ikollha inqas minn 60  fil-mija tad-dħul medju ekwivalenti. L-affarijiet qed jaċċaqilqu bil-mod, imma mhux b’mod drastiku. U, ngħiduha  kif  inhi, meta tagħti €1 jew €2 tkun qed tgħaddi n-nies bi żmien! “Mela l-Gvern kapaċi jagħti salarji ta’ €30,000; €40,000; €60,000 jew €120,000 fis-sena, imma mhux kapaċi jagħti pensjonijiet li huma tajbin…din hi l-problema  li  qed tirrenja bħalissa”, sostna s-sors lil Voice of the Workers. 

Hemm  intopp ieħor li għamlitu r-riforma. Nafu li l-pensjonijiet jiżdiedu kull sena. Ir-riforma qed tgħid li dawk li twieldu sal-31 ta’ Diċembru 1961, jieħdu biss żewġ terzi tal-għoli tal-ħajja. Iżda għal oħrajn li twieldu wara dik id-data, se tiddaħlilhom ir-rata ta’ l-inflazzjoni  u allura r-rata tagħhom se tikber minn dik ta’ anzjani oħrajn. 

Jeżistu diversi tentufiet li ħarġu mir-riforma u li jmorru kontra l-adekwatezza. Hemm kwistjonijiet oħrajn li jridu jiġu identifikati u ssir analiżi tagħhom għaliex ikun inutli li niftaħru dwar kemm qed jinħoloq ġid u progress fil-pajjiż meta l-anzjan qed iġarrab mill-inġustizzji.  

Hu fatt issostanzjat bl-istatistika li għalkemm il-faqar f’ċertu kategoriji ta’ nies naqas, fil-każ ta’ l-anzjani l-faqar kiber. Skont is-sors li tkellem magħna, “din hi l-verita’ u ħadd ma jista’ imeriha għax inħarġet mill-Gvern stess.” 

Anzjan ieħor li tkellem ma’ Voice of the Workers spjega li hu għandu l-pensjoni tas-servizz u din qatt ma żdiedet. “Dik il-pensjoni li kelli 20 sena ilu, bqajt biha sal-lum,” saħaq dan il-pensjonant.  

Intant il-Gvern iddeċieda li ma jibqax għaddej bil-liġi li kienet qed tkun proposta sabiex il-Membri Parlamentari jkunu eliġibbli għal pensjoni wara li jservu biss leġislatura waħda li ddum ħames snin. Dan seħħ wara li l-Partit Nazzjonalista rtira mill-appoġġ tiegħu lejn din il-liġi t-Tnejn filgħaxija. Aktar qabel, il-Prim Ministru kien iġġustifika din id-deċiżjoni u nsista li l-miżura kienet intenzjonata sabiex tikkoreġi anomalija li kienet tolqot lill-membri parlamentari.  

“Ikun  aħjar li l-Prim  Ministru jispjega x’inhi din l-anomalija u jħossu obbligat li jsaħħaħ il-pensjonijiet  tal-anzjani kollha”, stqarr l-anzjan li tkellem ma’ Voice of the Workers filwaqt li żied li “għall-membri parlamentari ikun hemm il-flus, imma għalina l-pensjonanti m’hemmx”. 

Bħalma seħħ lill-membri tal-Ġudikatura, jidher li l-għaqdiet tal-pensjonanti m’għandhom ebda diffikulta’ li l-membri parlamentari jirċievu pensjoni sħiħa. “Il-Gvern għandu jaħseb fina u mhux nieħdu jew inlaqtu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda!”, sostna s-sors tagħna.  

Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li l-Gvern għandu l-ewwel jaħseb fl-anzjani sabiex jingħataw pensjoni adekwata u ġusta.