L-importanza tal-Budget u l-impatt tiegħu fuq iċ-ċittadin
Fil-jiem li għaddew, il-Gvern ippreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla. Imma qatt waqaftu ftit u staqsejtu lilkom infuskom x’tifhmu b’Budget? X’inhu l-importanza tiegħu u x’impatt iħalli fuq iċ-ċittadin?
Il-Budget hu pjan li hu magħmul sabiex janalizza l-qagħda preżenti kif ukoll tal-futur tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, il-prezzijiet tal-kommoditajiet, it-taxxi kif ukoll id-dħul u l-infiq tal-Gvern. Il-Budget jitqies bħala eżerċizzju tal-Gvern sabiex imexxi l-policies tal-istat. Il-Budget f’Malta dejjem iqajjem interess u stennija min-nies tant li hawn min jitkellem dwar diversi oqsma li joħorġu minnu u janalizzahom b’mod individwali skont l-interessi partikulari tagħhom.
Il-ħaddiema tal-Gvern u oħrajn li jaħdmu ma’ entitajiet pubbliċi dejjem jistennew mill-Budget li s-salarji tagħhom se jiżdiedu b’ċertu perċentwal. Ħaddiema klerikali u oħrajn fi skali baxxi dejjem jistennew xi żieda fis-salarji bażiċi u gross tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgħinu lill-familji tagħhom f’dinja fejn l-inflazzjoni dejjem qed tgħolli rasha. F’tali sitwazzjoni, l-iċken żieda fil-paga tagħhom tfisser manna mis-sema.
Persuni oħrajn li huma aktar imħassba fuq il-Budget hu l-pubbliku ġenerali li jistenna li ma jkunx hemm żidiet fil-konsum tal-ikel ta’ kuljum. Anzi jistennew li l-prezzijiet tal-ikel jorħsu. Fis-settur privat, sidien ta’ negozji jew dawk fil-manifattura jistennew li ma jkunx hemm taxxi addizzjonali li jistgħu jaffettwaw il-produttivita’ u l-profitti tagħhom.
Barra minn hekk, anki l-pensjonanti jistennew xi żieda fil-pensjoni tagħhom sabiex ikomplu jgħixu ħajja iżjed faċli u komda. Iż-żieda ngħatatilhom. Imma l-pensjonijiet f’pajjiżna kemm qed ikunu adekwati u sostenibbli?
Il-Gvern dejjem iħabbat wiċċu ma’ sfidi kemm min-negozji, mill-unions, mill-korpi kostitwiti u mill-pubbliku ġenerali. Jekk ikun bilanċjat, il-Budget jintlaqa’ tajjeb u l-appoġġ taċ-ċittadini għall-Gvern jiżdied. F’ċirkostanza bħal din hawn min jargumenta li l-Budget mhu xejn għajr propaganda tal-partit fil-Gvern!
Kollox ma’ kollox, il-gvernijiet dejjem isibu l-għajnuna minn konsulenti finanzjarji sabiex iħejju l-Budget fid-dawl tal-kundizzjonijiet prevalenti sabiex ma jkun hemm ebda piż fuq il-pubbliku ġenerali u fuq il-Privat peress li dan tal-aħħar hu kontributur prinċipali għall-ekonomija tagħna.