L-Ewro Parlamentari jwittu t-triq għall-kostitwenza pan-ewropea wara l-Brexit
Il-Parlament Ewropew għandu jiċċekken minn 751 għal 705 Ewro Parlamentari meta ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, sabiex jagħmel spazju għal listi elettorali madwar l-UE. Dan qaluh l-Ewro Parlamentari responsabbli mill-Affarijiet Kostituzzjonali.
Minbarra t-tnaqqis fil-kobor tal-Parlament minn 751 għal 705 rappreżentant elett, il-proposta tad-distribuzzjoni mill-ġdid tas-siġġijiet, approvata mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fil-jiem li għaddew, ukoll se tkun qed tpoġġi 46 minn 73 siġġu tar-Renju Unit li se jkunu disponibbli bħala riserva wara l-Brexit.
Is-46 siġġu ta’ riserva jistgħu jingħataw lil pajjiżi ġodda li jissieħbu fl-UE u/jew listi elettorali pan-Ewropej. Il-kumplament tas-27 siġġu li kienu tar-Renju Unit jitqassmu fost l-14 il-pajjiż tal-UE li bħalissa huma sotto-rappreżentati.
Listi elettorali pan-Ewropej
Il-kumitat qabel li n-numru ta’ Ewro Parlamentari eletti minn kostitwenza elettorali mifruxa madwar l-UE għandu jikkorrispondi man-numru ta’ pajjiżi fl-UE, u dan jekk jippermetti t-tmiem tar-riforma dwar il-liġi elettorali tal-UE. Sittax-il siġġu se jkunu ta’ riserva f’każ ta’ tkabbir fil-ġejjieni.
L-introduzzjoni ta’ kostitwenza Transnazzjonali tista’ issaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza tal-UE u l-karattru Ewropew tal-elezzjonijiet lill-Parlament.
Madankollu, it-tlestija tal-liġi elettorali teħtieġ deċiżjoni unanima mill-ministri fil-Kunsill tal-UE u r-ratifika mill-istati membri kollha.
Allokazzjoni ġdida ta’ siġġijiet fost is-27 stat membru
Il-kumplament tas-27 siġġu Ingliż għandhom jitqassmu mill-ġdid fost l-14-il membru tal-UE li xi ftit jew wisq mhumiex rappreżentati biżżejjed, sabiex id-diskrepanzi fir-rappreżentazzjoni tagħhom ikunu indirizzati.
L-Ewro Parlamentari wkoll jenfasizzaw li din l-allokazzjoni tkun tista’ tapplika biss jekk ir-Renju Unit verament toħroġ mill-UE. Inkella l-arranġamenti ta’ issa jibqgħu fis-seħħ.
Il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew kienet approvata b’21 vot favur, erba’ voti kontra u ebda astensjoni.
Il-Brexit u l-Irlanda ta’ Fuq
Għalkemm il-Brexit se jkun qed joħroġ lill-Irlanda ta’ Fuq mill-UE, l-Ewro Parlamentari jisħqu li ċ-ċittadini tal-Irlanda ta’ Fuq, taħt il-Good Friday Agreement, ukoll għandhom id-dritt intrinsiku għal ċittadinanza Irlandiża u Ewropea.