L-Ewro Parlamentari fi ħdan il-Kumitat dwar ix-Xogħol approvaw il-leave  tal-paternita’, il-leave tal-ġenituri mhux trasferibbli u miżuri biex isaħħu l-opportunitajiet tan-nisa fis-suq tax-xogħol. 

Ir-regolamenti fi stadju ta’ abbozz jagħtu prerekwiżiti bażiċi għall-istati membri, f’tentattiv biex isaħħu r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-post  tax-xogħol u jsaħħu r-rwol tal-missier jew l-ekwivalenti tat-tieni ġenitur fil-familja. Dan se jkun ta’ benefiċċju għat-tfal u għal ħajja fil-familja, filwaqt li jirriflettu l-bidliet fis-soċjeta’ b’aktar preċiżjoni u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi. 

Il-leave tal-missier, tal-ġenituri u tal-carer 

L-Ewro Parlamentari appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun introdott id-dritt għal-leave tal-paternita’ imħallas ta’ mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol għal missirijiet fi żmien it-twelid ta’ tarbija.  Madankollu, estendew l-iskop biex ikunu nklużi l-ekwivalenti tat-tieni ġenitur, skont il-liġi nazzjonali  u f’każ ta’ addozzjoni ta’ tarbija. 

L-Ewro Parlamentari wkoll  żiedu l-provvedimenti għal erba’ xhur ta’ leave tal-ġenituri mhux trasferibbli biex jittieħed qabel mal-wild jagħlaq 10 snin. Dan il-leave għandu jkun dritt individwali, li joħloq l-aħjar kundizzjonijiet għal tqassim aktar bilanċjat tar-responsabbiltajiet. 

Finalment, il-leave  imħallas tal-carer għal dawk  il-ħaddiema li jipprovdu kura personali lil persuna li  tinsab f’kundizzjoni medika serja jew anzjana, ukoll ġie addottat. 

Id-dritt għall-ħlas 

L-Ewro Parlamentari saħqu  li n-numru ta’ ġranet għal-leave fost il-ġenituri jiddependi minn  diversi fatturi. Sabiex membru fil-familja li jkollu paga tajba jkun inkoraġġit jieħu dan  il-leave, l-Ewro Parlamentari jipproponu li l-livell ta’ ħlas jew allowance għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għal 78 fil-mija tas-salarju gross tal-ħaddiem f’każ ta’ leave tal-ġenituri u tal-leave tal-carer u ekwivalenti għal 80 fil-mija f’każ ta’ leave tal-missier. 

Xogħol adattabbli 

Sabiex ir-regolamenti jkunu implimentati mingħajr skossi, biex ikun assigurat li l-ħaddiema f’kumpaniji żgħar ukoll jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet, l-Ewro Parlamentari pproponew l-introduzzjoni ta’ perijodu ta’ notifika, fejn ikun speċifikat il-bidu u t-tmiem tal-perijodu tal-leave  tal-ġenituri, u li jingħata attenzjoni lil-limiti fl-arranġamenti tax-xogħol u  l-ippjanar li kumpaniji żgħar iħabbtu wiċċhom magħhom. 

L-Ewro Parlamentari wkoll iridu lill-ħaddiema, li l-wild tagħhom ikollu sa 10 snin, biex ikun kapaċi jaġġusta x-xogħol tiegħu, inkluż fejn hu possiblli, permezz ta’ ħidma ‘l bogħod mill-post tax-xogħol jew skedi flessibbli. Huma jisħqu li min  iħaddem għandu jiġġustifika kull posponiment tal-leave  tal-ġenituri bil-miktub u fil-każ ta’ posponiment ġustifikat, fejn hu possibbli, joffri forom flessibbli ta’ leave għall-ġenituri. 

Kwotazzjoni 

L-Ewro Parlamentari Malti David Casa qal: “Irnexxielna nipproduċu rapport ambizzjuż u  bilanċjat. Konna kapaċi nsaħħu l-proposta tal-Kummissjoni u fl-istess ħin nintrodduċu salvagwardji għal min iħaddem, partikularment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Id-Direttiva tal-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Familja tista’ tara żieda sinifikattiva fid-drittijiet tal-ġenituri u tal-carers madwar l-UE u tgħin lir-responsabbiltajiet fil-kura u l-ħarsien biex jinqasmu bl-aktar mod ġust bejn l-irġiel u n-nisa. Ir-riżultat tal-vot fil-Kumitat jagħtina mandat b’saħħtu biex nidħlu f’negozjati mal-Kunsill f’Settembru.”