L-ekonomija l-blu hi wkoll fattur importanti tal-ekonomija tagħna
Dan l-aħħar, f’waħda mill-gazzetti lokali, tqajjem is-suġġett tal-ekonomija l-blu li għandha x’taqsam ma’ firxa ta’ użi ekonomiċi tal-ibħra u r-riżorsi ta’ mal-kosta – bħall-enerġija, it-tbaħħir, is-sajd, l-akwakultura, it-tħaffir u t-turiżmu. Tinkludi wkoll benefiċċji ekonomiċi bħall-ħarsien kostali, valuri kulturali u l-bijodiversita’.
Meta nitkellmu dwar l-ekonomija l-blu, nifhmu l-ġestjoni tal-ibħra b’mod li jkunu sikuri u jissoktaw ikunu ta’ benefiċċju għan-nies. Qabel konna nirreferu għall-baħar bħala riżorsa massiva, misterjuża u infinita li qatt ma nistgħu nisfruttaw, u li verament ma kellniex bżonn nikkontrollawh għax hu espansiv. Dan mhux il-każ aktar. Bħalissa l-baħar hu wieħed mill-fruntieri l-kbar.
Kważi l-kummerċ dinji kollu hu mwassal bil-baħar. Hemm ukoll l-isfruttar għaż-żejt u għall-gass kif ukoll it-tħaffir f’qiegħ-il baħar. Hekk kif qed noħolqu t-teknoloġiji, kapaċi nisfruttaw imkejjen li ma konnhiex kapaċi mmorru fihom. Hemm potenzjal enormi għall-baħar biex jipprovdi soluzzjonijiet ewlenin sabiex jitimgħu lill-pjaneta u jipprovdu enerġija nadifa u mpjiegi. Imma jekk nagħmlu dan bla ħsieb ta’ xejn, nirriskjaw li nagħmlu ħsara lill-ikbar sistema ta’ appoġġ għall-ħajja – sistema li tipprovdi għan-nies, għall-annimali u għall-ekosistemi.
Meta nifhmu kif in-nies, l-azjendi u l-gvernijiet qed jiddeċiedu dwar kif jużaw l-ibħra, hu l-ewwel pass lejn is-sostenibbilta’. Il-profitt huwa l-ikbar kunsiderazzjoni? Xi ngħidu dwar l-importanza kulturali tar-riżorsi marittimi? It-tweġibiet ta’ tali mistoqsijiet jgħinu biex niddefenixxu l-valur li jingħata fuq il-baħar u r-riżorsi tiegħu.
Is-servizzi tan-natura huma imprezzabbli, kemm jekk nagħtuhom valur monetarju jew le. Madankollu, l-għoti ta’ valur monetarju lis-servizzi tan-natura hu mod b’saħħtu kif nikkomunikaw il-valur funzjonali tagħhom.
L-esperti jsostnu li l-mod biex jinstab bilanċ bejn il-bżonnijiet tan-nies u t-tisħiħ tal-ibħra hu li jinbidel il-kunċett kif naħsbu dwar il-ġestjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-attitudni ta’ ekonomija blu għandha tantiċipa u tinkorpora b’mod sħiħ l-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta.
Fuq kollox, l-importanza tal-ekonomija l-blu għal Malta ma tistax tiġi sottovalutata.