L-ebda tnaqqis fl-iskart li qed jispiċċa l-Magħtab
Il-volum ta’ skart li qed jispiċċa fil-miżbla tal-Magħtab ma naqasx minkejja l-introduzzjoni tas-separazzjoni obbligatorja tal-iskart għad-djar introdotta fl-2019. Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-2022 intremew 273,367 tunnellata ta’ skart fil-miżbla, li jammonta għal 86.2% tat-total. Dan huwa prattikament l-istess livell tal-2018, meta ċ-ċifra rispettiva kienet ta’ 272,032. Jirriżulta wkoll li bejn l-2018 u s-sena li għaddiet turi li t-total annwali varja bejn 320,631 tunnellata fl-2019 u 269,167 fl-2021.
Għalkemm l-NSO ma jidħolx fir-raġunijiet għaliex Malta għadha tiddependi daqshekk fuq il-miżbla, iż-żieda fil-popolazzjoni inkluż it-turiżmu huwa maħsub li kellu impatt negattiv fuq l-isforzi biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart. Dan joħroġ mill-fatt li l-ġenerazzjoni tal-iskart ras għal ras naqset b’mod sinifikanti minn 672 kilo fl-2018 għal 618 kilo s-sena li għaddiet. Madankollu, l-ammont totali ta’ skart ġenerat fis-snin li għaddew baqa’ fl-istess livell tal-2018. L-unika spjegazzjoni loġika għal dan hija li t-tnaqqis fl-iskart ras għal ras patta għaż-żieda fil-popolazzjoni. Fi kliem ieħor, issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn hawn iktar abitanti li qed jiġġeneraw ftit inqas skart ras għal ras.
Sadanittant, il-kumplament tal-istatistika tal-NSO dwar l-immaniġġjar tal-iskart turi li s-sitwazzjoni ma tantx hi waħda sabiħa, hekk kif kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ skart li qed jiġi riċiklat u l-enerġija ġenerata.
Fl-2022, il-ġenerazzjoni ta’ skart ammontat għal 328,394 tunnellata, li żdiedet bi 12,070 tunnellata jew 3.8% fuq l-2021. F’termini assoluti, iż-żidiet kienu l-aktar evidenti għal skart imħallat (15,285 tunnellata), skart ieħor (1,574 tunnellata) u skart goff (1,567 tunnellata). Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis ewlieni kien irreġistrat għall-karta u l-kartun (2,888 tunnellata), skart organiku mill-kċejjen (1,967 tunnellata), u l-injam (1,202 tunnellata).
Sadattant, kien irreġistrat tnaqqis fil-ġbir ta’ skart organiku (2,678 tunnellata), minn civic amenity sites (1,999 tunnellata), ġbir ieħor (593 tunnellata), il-ġbir ta’ boroż ħodor/griżi (422 tunnellata) u bring-in sites (265 tunnellata). It-tipi l-oħra kollha ta’ ġbir wrew żidiet, li l-ewlenin minnhom kienu għall-ġbir bieb bieb tal-borża s-sewda mill-kunsilli lokali (10,659 tunnellata), ġbir ta’ boroż suwed minn negozji u istituzzjonijiet (4,626 tunnellata), u ġbir ta’ skart goff mid-djar, negozji, u istituzzjonijiet (1,567 tunnellata). Fl-2022 il-ġbir ta’ skart separat kien jammonta għal 27.9 % tal-ġenerazzjoni tal-iskart kollu, tnaqqis mill-31.1 % li kien irreġistrat fl-2021.
Matul l-2022, l-ammont totali ta’ skart muniċipali trattat naqas b’6,644 tunnellata jew 2.1 % fuq dak irreġistrat fl-2021, li jammonta għal 317,280 tunnellata.
Meta mqabbel mal-2021, l-iskart muniċipali li ġie riċiklat naqas b’2,083 tunnellata jew 5.0% għal total ta’ 39,807 tunnellata. Il-karta u l-kartun kienu l-aktar materjal riċiklat b’60.6 % tal-iskart totali riċiklat. Ġew irreġistrati żidiet fir-riċiklaġġ għall-karta u l-kartun (10.4%), l-iskart organiku mill-kċejjen (9.0 %) u skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (4.2%). Min-naħa l-oħra, kien reġistrat tnaqqis fir-riċiklaġġ ta’ ħwejjeġ u tessuti (97.2%), metalli (55.4%), plastik (12.8%) u ħġieġ (9.1%). Fl-2022, l-iskart muniċipali li għadda minn trattament għall-irkupru tal-enerġija ammonta għal 4,099 tunnellata, li jfisser tnaqqis ta’ 67.8 % fuq l-2021.