L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu aktar biex iqajmu l-kuxjenza dwar l-azzjonijiet tal-UE
L-informazzjoni u l-komunikazzjoni huma kruċjali biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali tas-saħħa u dik ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-Coronavirus”, iddikjaraw l-Viċi Presidenti tal-Parlament Ewropew, Othmar Karas (AT, PPE) u Katarina Barley (DE, S&D) wara xahrejn ta’ sforzi konċertati tal-UE biex jiġi indirizzat il-Coronavirus. “Fl-ewwel każ, huwa vitali li l-awtoritajiet nazzjonali kollha jkollhom messaġġi ċari u koerenti lill-pubbliku dwar il-miżuri meħtieġa biex jitrażżan it-tixrid tal-virus, speċjalment meta tinbeda t-tneħħija tal-lockdown, u li dan isir b’mod koordinat madwar l-UE”, qal il-Viċi President Othmar Karas. “Huwa wkoll importanti, fl-interess li tinżamm l-unità u s-solidarjetà tal-UE, li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu sforz ukoll biex jikkomunikaw l-azzjoni kollettiva madwar l-UE kollha ħalli l-Istati Membri jiġu megħjuna tul il-kriżi biex jiġġieldu l-informazzjoni żballjata. Għalhekk, meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea titkellem, speċjalment fil-Parlament Ewropew, dawn għandhom jixxandru b’mod wiesa’ fl-istati membri. L-informazzjoni toħloq il-kuxjenza,” żied il-Viċi President Karas. Il-Viċi President Katarina Barley qalet, “Wara kollox, l-inizjattivi meħuda fil-livell tal-UE huma approvati, mhux biss mill-Membri tal-Parlament Ewropew mill-Istati Membri kollha, iżda wkoll mill-ministri tal-gvernijiet nazzjonali kollha. Ilkoll kemm aħna għandna rwol fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u lkoll għandna sehem fir-riżultat.” Is-Sinjura Barley kompliet tgħid, “Dan huwa importanti għal raġunijiet ta’ responsabbiltà, trasparenza, demokrazija u fiduċja fl-istrutturi ta’ governanza tagħna. Ħafna aspetti tal-kriżi attwali jeħtieġu strateġija komuni u riżorsi miġbura: fil-ftehim ta’ regoli li jżommu l-fruntieri miftuħa għall-fluss ta’ provvisti mediċi u tal-ikel vitali, l-appoġġ għan-negozji, għall-impjiegi jew għall-konsumaturi, il-fondi għall-promozzjoni tar-riċerka ta’ vaċċini vijabbli, ir-regoli komuni għall-industrija tal-linji tal-ajru, il-miżuri ta’ appoġġ tas-setturi tal-agrikoltura u tat-turiżmu, u l-għajnuna lill-pajjiżi ġirien immedjati tagħna u lill-pajjiżi terzi sħab.”
“L-UE u l-BĊE flimkien immobilizzaw mijiet ta’ biljuni ta’ euro f’appoġġ finanzjarju biex isostnu l-finanzi tal-istati u l-ekonomiji. Dan kien possibbli biss minħabba l-affidabbiltà kreditizja tal-Unjoni Ewropea u l-ingranaġġ fuq skala kbira li l-uE għandha meta taġixxi flimkien”, spjega s-Sur Karas. Is-Sinjura Barley spjegat ukoll, “Ħafna minn dan l-isforz mhux qed jiġi irrappurtat spiss jew, agħar, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni qed jiksbu trazzjoni u qed jitimgħu lill-pubbliku aħbarijiet foloz li huma ta’ detriment għall-isforzi reali ta’ appoġġ konġunt f’dawn iż-żminijiet diffiċli u inċerti ħafna.”