L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-multi ta’ kuljum għal żviluppi illegali għandhom jiżdiedu peress li m’għadhomx deterrent finanzjarju effetti. L-appell sar fir-rapport annwali tal-2023 li ta  rendikont tal-infurzar meħuda mir-regolatur tal-ippjanar madwar il-Gżejjer Maltin.

Irriżulta li matul dan il-perjodu nħarġu 233 avviż ta’ waqfien u infurzar (li minnhom 185 ġew mill-pubbliku permezz tas-sistema tal-ilmenti). Barra minn hekk, kien hemm 27 każ fejn min wettaq ir-reat baqa’ jippersisti fl-illegalità minkejja li diġà ngħata avviż ta’ infurzar. Madwar 78% tal-avviżi maħruġa wasslu għal multi ta’ kuljum li huma maħsuba biex jagħmlu pressjoni fuq min jikser il-liġi sakemm jieħu azzjoni biex jindirizza l-illegalità. Madankollu, l-Awtorità tal-Ippjanar innotat li dawn il-multi li kienu ġew introdotti fl-2012, jeħtieġ li jiġu riveduti biex jaqdu l-iskop tagħhom.

Bil-liġi, każijiet ta’ żviluppi illegali jistgħu jwasslu għal multa ta’ €10 kuljum li tirdoppja għal il-ksur ikun għadu hemm wara 180 jum, u sa €25 wara sena. Madankollu, hemm massimum ta’ €50,000 li lil hinn minnu ma jinħarġux aktar multi. Konsegwentement, il-multa tista’ ma tibqax deterrent għal żviluppaturi kbar li għalihom ammont bħal dan huwa relattivament żgħir. Sorsi qalu li kif inhuma l-affarijiet dan ma hux ta’ deterrent. Għalhekk, illegalitajiet bħal dawn għandhom tendenza li jibqgħu pendenti għal snin sħaħ, filwaqt li jkattru l-perċezzjoni li l-infurzar huwa b’saħħtu mad-dgħajjef u dgħajjef ma’ min hu b’saħħtu.

Fuq nota pożittiva fl-2023, l-Awtorità tal-Ippjanar għalqet total ta’ 338 avviż ta’ waqfien u infurzar pendenti, li kienu nħarġu snin qabel. Filwaqt li f’134 każ kienet irregolarizza l-pożizzjoni, kien hemm 199 każ li ngħalqu wara li tneħħiet l-illegalità.

F’ċerti każijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar tirrikorri għal azzjoni diretta meta min jikser jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti. Azzjoni bħal din hija normalment adottata f’każijiet estremi wara li l-mezzi l-oħra kollha jkunu ġew eżawriti. F’dan il-każ l-Awtorità tieħu azzjoni fiżika biex tneħħi l-illegalità u tibgħat il-kont li min qed jikser il-liġi. Madankollu, ġie rrimarkat li l-Awtorità xi drabi trid twaqqaf l-intervent f’każ li l-jkun preżentat mandat ta’ inibizzjoni fil-qorti.

Is-sena l-oħra ttieħdet azzjoni diretta f’każijiet relatati ma’ ħsara lill-amenity – it-terminu użat għal kwalunkwe żvilupp li jipperikola l-kumdità, il-konvenjenza, is-sigurtà,  u l-utilità li jistgħu jitgawdew fi, u madwar, proprjetà jew lokal – bidliet fl-użu mingħajr permess u rimi ta’ materjal li jikkawża ħsara ambjentali.

Fost dawn kien hemm ir-riabilitazzjoni tal-art bejn l-Imdina u l-Imtarfa li kienet soġġetta għal rimi illegali; it-twaqqigħ u t-tneħħija ta’ strutturi li daħlu fuq il-glacis skedati tas-swar tal-Furjana; is-siġillar ta’ tankijiet kbar ta’ ħażna ’l fuq mill-art li ntużaw għall-ħażna mhux regolata tal-fjuwil; it-tneħħija ta’ vetturi skrappjati illegalment minn sit f’Għawdex, li hija waħda mill-akbar scrapyards illegali fil-Gżejjer Maltin; u l-issiġillar ta’ diversi għelieqi li kienu qed jintużaw illegalment għar-rimi jew attivitajiet illegali oħra għad-detriment tal-użi ta’ ħdejn u l-ambjent.