Il-Parlament approva l-bidu tan-negozjati mal-Istati Membri dwar ir-regoli li jistabbilixxu x’se jkunu jistgħu u ma jistgħux jagħmlu l-pjattaformi online kbar fl-UE.

Il-proposta tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) tpoġġi f’lista sewda ċerti prattiki użati minn pjattaformi kbar li jaġixxu bħala “gwardjani” u tippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet tas-suq u tissanzjona mġieba mhux konformi.

It-test approvat mill-Parlament b’642 vot favur, 8 kontra u 46 astensjoni jistabbilixxi obbligi u projbizzjonijiet ġodda direttament applikabbli għal dawn il-pjattaformi, bil-għan li jiġu żgurati swieq ġusti u miftuħa.

Ir-regolament propost se japplika għall-kumpaniji kbar li jipprovdu ’l hekk imsejħa “servizzi ewlenin ta’ pjattaforma” li huma l-aktar suxxettibbli għal prattiki kummerċjali inġusti. Dawn jinkludu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, networks soċjali, magni tat-tiftix, sistemi operattivi, servizzi ta’ reklamar online, cloud computing, u servizzi ta’ videos, li jissodisfaw il-kriterji rilevanti biex jiġu indikati bħala “gwardjani”. Il-MPE inkludew ukoll browsers tal-web, assistenti virtwali u TV konness fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-DMA.


Xi punti ewlenin

Fit-test approvat, il-Parlament Ewropew:

  • iżid il-limiti kwantitattivi li jfisser li kumpanija tkun koperta mid-DMA sa €8 biljun f’turnover annwali fiz-Zona Ekonomika Ewropea (ZEE) u kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ €80 biljun; il-kumpaniji jkunu jridu wkoll jipprovdu servizz ewlieni ta’ pjattaformi f’mill-inqas tliet pajjiżi tal-UE u jkollhom mill-inqas 45 miljun utent aħħari fix-xahar, kif ukoll iktar minn 10,000 utent kummerċjali;
  • jinkludi rekwiżiti addizzjonali fuq l-użu tad-data għal reklamar immirat u mmirat fil-livell mikro u l-interoperabilità tas-servizzi, bħal servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri u servizzi tan-network soċjali;
  • jagħti lill-utenti l-għażla biex fi kwalunkwe mument ineħħu xi applikazzjonijiet software pre-installati, bħal apps fuq servizz ewlening ta’ pjattaforma
  • jikkjarifika r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, filwaqt li jħalli l-infurzar tad-DMA f’idejn il-Kummissjoni;
  • jgħid li d-DMA għandu jiżgura li l-whistleblowers jkunu jistgħu jwissu lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur reali jew potenzjali ta’ dan ir-regolament u jipproteġihom minn ritaljazzjoni;
  • jistabbilixxi li, jekk gwardjan ma jikkonformax mar-regoli, il-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ mhux inqas minn 4% u mhux iktar minn 20% tat-turnover dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

Tista’ ssib iktar informazzjoni f’din l-istqarrija għall-istampa.

Il-passi li jmiss

It-test approvat se jkun il-mandat tal-Parlament għan-negozjati mal-gvernijiet tal-UE, li huma ppjanati li jibdew taħt il-presidenza Franċiża tal-Kunsill fl-ewwel semestru tal-2022. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) – proposta li tirregola l-pjattaformi online u li tindirizza, fost affarijiet oħra, kontenut illegali u algoritmi – mistenni jitressaq għall-votazzjoni fil-plenarja f’Jannar.