Kuntratti pubbliċi: X’inhu t-tħassib tal-Awditur Ġenerali?
Miżuri dgħajfa biex jitħarsu l-interessi tal-gvern u pjanar inadegwat kienu l-aktar żewġ nuqqasijiet komuni li nstabu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika f’analiżi dwar kuntratti tal-Gvern (public procurement). L-eżerċizzju permezz ta’ investigazzjonijiet fis-settur pubbliku bejn l-2017 u l-2020.
Jirriżulta li kien hemm 28 każ fejn il-kuntratt jew il-ftehim fis-seħħ ma ħarisx b’mod xieraq l-interessi tal-gvern jew tal-partijiet interessati. It-tieni l-iktar kwistjoni ta’ tħassib kienet dwar ippjanar strateġiku inadegwat fejn kien hemm 23 kas. Eżempji ta’ dawn jinkludu sitwazzjonijiet fejn is-sejħiet jinħarġu tard, u b’hekk in-negozjar tal-gvern isir pjuttost diffiċli u ftit li xejn ikun hemm fejn tiċċaqlaq fin-negozjati. Fil-fatt, l-Uffiċċju ikkonkluda li kien hemm xejn inqas minn 6 każi li fihom il-pożizzjoni tal-gvern kienet dgħajfa mill-bidu nett. Nuqqasijiet oħra li nstabu kienu n-nuqqas ta’ ftehim formali biex jirregola numru ta’ servizzi kuntrattwali (5), servizzi akkwistati direttament mis-suq aktar milli permezz ta’ sejħa pubblika għal stimi jew offerti (5), riċerka tas-suq inadegwata u sħubija żbilanċjata li fiha l-gvern ikun fi żvantaġġ.
Il-kuntratti pubbliċi huwa qasam ta’ riskju għoli fid-dawl li dan jinvolvi miljuni kbar ta’ fondi pubbliċi, speċjalment meta l-kuntratti jiġu aġġudikati direttament mingħajr sejħa b’direct order. Huwa għalhekk li r-regoli f’dan il-qasam iridu jiġu segwiti biex jitnaqqsu r-riskji ta’ korruzzjoni u frodi.
Fl-analiżi tiegħu, din id-darba bbażata fuq l-awditjar tal-kontijiet pubbliċi tal-2021, l-Uffiċċju wissa għal darb’oħra dwar nuqqas ta’ ppjanar strateġiku fl-istadju ta’ tfassil, ta’ akkwist frammentat (preżumibbilment biex kuntratti kbar mqassma f’ammonti żgħar ) biex jiġu evitati ċerti regolamenti. Tħassib ieħor hu dwar stimi li jinkisbu direttament minn fornituri magħżula minflok ikun hemm sejħa pubblika.
Barra minn hekk, l-Uffiċċju esprima tħassib dwar il-prattika li jingħataw kuntratti diretti mingħajr ma jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa, arjazzjonijiet mill-baġit oriġinali, tiġdid ta’ kuntratti mhux koperti mill-offerta oriġinali u n-nuqqas ta’ performance guarantees li jkopru l-ammont meħtieġ.
Fl-istadju tal-ħlas kien hemm każijiet ta’ audit trail inadegwat, nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti fiskali tal-VAT, bill of quantities mhux kompluti jew li jsiru mhux f’waqthom, ħlasijiet għal xogħlijiet mhux verifikati u saħansitra ħlasijiet mhux awtorizzati.
L-Awditur Ġenerali irrakkomanda li dan is-settur għandu jkun ibbażat fuq erba’ pilastri fundamentali: trasparenza matul il-proċess kollu, trattament ġust biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, li ċ-ċittadini jirċievu valur għal flushom u li jkun hemm il-kontrolli meħtieġa bħala deterrent kontra l-abbużi.