Kunflitti, governanza ħażina jew it-tnejn?
Kwalunkwe istituzzjoni pubblika jew regolatur li jirrispetta lilu nnifsu li jinsab f’pajjiż demokratiku bbażat fuq is-saltna tad-dritt, għandu jżomm ferm ‘il bogħod minn kull tip ta’ kunflitt ta’ interess sabiex ma jnaqqarx il-fiduċja pubblika u jqanqal perċezzjonijiet negattivi. Huwa għalhekk li r-riżenja taċ-chairman mhux eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-perit Maria Schembri Grima, minħabba xogħlijiet ta’ twaqqigħ li qed isiru f’Birkirkara, hi ta tħassib kbir.
Dan ġara wara minħabba sitwazzjoni assurda fejn l-Aġenzija mmexxija minn din il-perit kellha tintervjeni biex twaqqaf xogħlijiet ta’ twaqqigħ li kienu qed isiru b’mod perikoluż u li kienu qed isiru taħt is-superviżjoni tal-istess perit li tmexxi din l-Aġenzija!
Wieħed jista’ jargumenta li dan huwa każ klassiku ta’ x’jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess li huwa definit bħala sitwazzjoni li fiha entità jew individwu ma jkunux affidabbli minħabba kunflitt bejn interessi personali u dmirijiet professjonali tagħhom. F’dan il-każ, il-kunflitt kien jeżisti irrispettivament minn min kienu l-partijiet l-oħra involuti, jekk kienx kuntrattur rinomat jew sempliċiment prattika privata fuq skala iżgħar.
Il-kwistjoni hija wkoll waħda ta’ governanza tajba. Sitwazzjoni fejn xi ħadd fit-tmun ta’ regolatur ikollu ċertu konnessjonijiet, jew ikollu interessi personali bħall-prattika privata, tagħmilhom f’pożizzjoni mhux tenibbli mill-ewwel. Iżda jekk l-awtoritajiet idaħħlu rashom fir-ramel, bit-tama li kunflitt bħal dan qatt ma jispiċċa jdaħħalhom f’xebgħa inkwiet, ikunu qed ipoġġu lilhom infushom f’riskju li jkunu kompliċi fit-tmermir tal-fiduċja istituzzjonijiet bħal dawn suppost igawdu.
Dan il-kunflitt ta’ interess partikolari kien ġie rappurtat sentejn ilu minn Shift News. Ma ninsewx li l-BCA twaqqfet wara sensiela ta’ inċidenti, uħud minnhom fatali bħal dak ta’ Miriam Pace fil-Ħamrun, li qajmu rabja kbira kontra xi wħud fl-industrija tal-kostruzzjoni li jaħsbu li huma ‘cowboys’ u ma jista’ għalihom ħadd. Jirriżulta li l-azzjoni meħuda mill-gvern bdiet fuq sieq ħażina mill-ewwel minħabba dan il-kunflitt ta’ interess sfaċċat. Dak iż-żmien Schembri Grima kien rappurtat li qalet li ma ħassitx li l-pożizzjoni tagħha ma kinitx tenibbli peress li kienet “chairman mhux eżekuttiv” tal-BCA. Sentejn wara, iżda, irriżulta li kienet żbaljata jew li meta ddeċidiet li tieħu l-kariga mingħajr ma tirrinunzja għall-prattika privata tagħha kienet għamlet ġudizzju żbaljat bil-kbir.
Minn perspettiva usa’, din il-kontroversja tqanqal mistoqsijiet serji dwar il-livell ta’ governanza tajba f’Malta. Il-Gvern ma jistax jiġġustifika lilu nnifsu billi jgħid li ma kienx konxju ta’ kunflitt bħal dan, peress li kien rappurtat pubblikament fl-2021. Anki kieku dan kien il-każ, iqumu mistoqsijiet dwar l-iskrutinju ta’ kandidati għal karigi pubbliċi bħal dawn. Huwa għalhekk li l-ebda kampanja bil-midja kemm fuq ix-xandir tal-Istat jew permezz ta’ mezzi oħra ffinanzjati mill-pubbliku ma tagħmel sens sakemm l-istess ‘żbalji’ jibqgħu isiru. Dan kollu ma jorbotx biss fuq il-kunflitti ta’ interessi, iżda wkoll fuq il-livell ta’ governanza tagħna, jekk mhux it-tnejn.