L-avukati li huma impjegati tal-Istat għandhom rwol kruċjali fil-ħarsien tas-saltna tad-dritt u fl-iżgurar li d-deċiżjonijiet u l-miżuri jiġu implimentati b’mod ġust u effiċjenti. Kemm jekk jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, dawn il-professjonisti legali jistħoqqilhom ambjenti tax-xogħol fejn il-ġustizzja, ir-rispett u l-appoġġ adegwat huma n-norma—mhux l-eċċezzjoni. L-avvanzi reċenti miksuba mill-UHM Voice of the Workers jenfasizzaw din il-kwistjoni kritika, u juru kif in-negozjar kollettiv jista’ jwassal għal titjib fl-ambjenti tax-xogħol u servizzi legali mtejba.

Kisbiet storiċi

Fl-2022, il-UHM Voice of the Workers għamlet kisba storika billi nnegozjat l-ewwel ftehim kollettiv għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan il-kisba ma kinitx faċli; ġiet wara proċess twil u diffiċli fejn f’xi waqtiet it-tkaxkir tas-saqajn tal-gvern wassal għal azzjoni industrijali. Dan l-isforz determinat mill-UHM jirrifletti verità usa’: li kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin mhumiex biss kwistjoni ta’ drittijiet tal-ħaddiema imma wkoll is-sisien għal funzjoni governattiva effiċjenti u għat-twassil tas-servizzi. Meta l-professjonisti legali joperaw f’ambjent fejn ikunu stmati, il-livell fl-aspetti legali u l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-gvern tiżdied.

Is-suċċessi ma waqfux mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Fi żmien 18-il xahar, il-UHM għamlet pass sinifikanti ieħor billi għalqet ftehim kollettiv għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan il-progress juri ċertu determinazzjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-avukati li jaħdmu mal-Gvern. Tali progress hu xhieda tal-qawwa tas-solidarjetà u l-ħtieġa ta’ djalogu persistenti u determinat bejn l-unions u l-entitajiet governattivi. Dan jirrifletti messaġġ profond: il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema  tas-servizz pubbliku jaffettwa direttament l-effiċjenza u l-integrità tal-operazzjonijiet tal-gvern.

Kisbiet li għamlu ħoss lil hinn minn xtutna

L-isforzi tal-UHM Voice of the Workers ma kienux innotati biss f’Malta. Il-kisbiet li saru saħansitra ġew għall-attenzjoni tal-Canadian Association of Crown Counsel (CACC). F’laqgħa reċenti fl-okkażjoni tal-konferenza tal-Commonwealth Lawyers Association li saret f’Malta, rappreżentanti minn CACC iltaqgħu ma’ delegazzjoni tal-UHM biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Dan l-interess fuq livell internazzjonali huwa rikonoxximent tar-rwol importanti li kellha l-UHM fil-kisba ta’ standards ogħla għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg—standards li jrawmu forza tax-xogħol aktar motivata, sigura u kapaċi fil-qasam legali.

L-importanza ta’ kundizzjonijiet xierqa

Id-dibattitu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fost l-avukati tal-gvern imur lil hinn minn diskussjonijiet kuntrattwali jew negozjati dwar pagi. Dawn il-kundizzjonijiet jinfluwenzaw is-sodisfazzjon fix-xogħol, it-tkabbir professjonali, u l-kapaċità ġenerali tal-istituzzjonijiet legali biex jirrispondu għal sfidi soċjali. L-avukati tal-gvern huma fdati b’responsabbiltajiet kumplessi li jeħtieġu livelli etiċi għoljin, għarfien legali qawwi, u integrità soda. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin mhux biss igawdu minnhom l-individwi imma wkoll huma ta’ benefiċċju għall-effettività tas-sistema legali u l-amministrazzjoni pubblika.

L-investiment fis-suq tax-xogħol fil-qasam legali jfisser li nirrikonoxxu li dan għandu impatt pożittiv fl-infurzar tal-ġustizzja, għax dawk responsabbli jkunu qed jingħataw ir-riżorsi, it-taħriġ, u l-appoġġ li jeħtieġu.

L-istejjer ta’ suċċess li joħorġu kemm mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jibagħtu messaġġ ċar: kundizzjonijiet ta’ impjieg ġusti mhumiex biss benefiċċji, imma komponenti essenzjali ta’ sistema legali robusta. Il-gvern  għandu impenjat li jinvestu fil-professjonisti legali tiegħu. Bl-istess mod, unions bħall-UHM jgħinu biex ikun hemm standards li jiggwidaw lill-politiċi u jispiraw lil pajjiżi oħra, u b’hekk ikunu ta’ eżempju kif bid-determinazzjoni u l-għaqda, il-bidla għall-aħjar tkun possibbli.