Kriżi tal-ġbir tal-iskart
Ġimgħat wara l-fjask tal-qtugħ tad-dawl fejn it-tort intefa’ fuq it-tibdil fil-klima, issa qed nesperjenzaw kriżi ta’ ġbir ta’ skart b’xi wħud iwaħħlu fuq appartament li jinkrew lit-turisti.
Ħarsa lejn il-midja soċjali f’dan il-ġranet tas-sajf tinduna li l-aġenda tal-pajjiż hi dominata minn għadab kbir tan-nies li ma jifilħux aktar is-sitwazzjoni preżenti. Dawra mat-toroq f’ċerti lokalitajiet, mhux biss Tas-Sliema iżda f’partijiet oħra madwar il-pajjiż, tfakkrek f’sitwazzjonijiet li kien hemm fi bliet bħal Napli, fejn il-problemi tal-ġbir tal-iskart saru endemiċi. Is-sitwazzjoni mwiegħra f’Malta ħarġet fil-beraħ mhux biss fil-mezzi tax-xandir iżda wkoll fuq il-midja soċjali b’ritratti ta’ munzelli ta’ skart, u xi drabi bil-firien jagħmlu festa.
Jekk din il-kriżi mhux se tissolva se tħalli impatt ekonomiku negattiv sinifikanti speċjalment fuq it-turiżmu. Il-punt hu li tnaqqset il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart taħt l-iskuża ta’ riforma maħsuba biex jiżdied ir-riċiklaġġ u s-separazzjoni tal-iskart domestiku. Pass bħal dan waħdu, diġà huwa riskju kbir kbir peress li fin-nuqqas ta pjanar u infurzar xieraq din hija riċetta għal diżastru. Il-problema kompliet tiggrava biż-żieda qawwija mhux ippjanata fil-popolazzjoni (100,000 f’għaxar snin) u l-persistenza fuq strateġija turistika ibbażata fuq il-kwantità. Għalhekk, il-bidliet demografiċi u r-riforma tal-ġbir tal-iskart ikkontribwew għal din il-kriżi.
F’ċerti nħawi, bħal Tas-Sliema u San Ġiljan il-ħtija ta’ dan kollu qed tintefa’ fuq l-appartamenti li jinkrew lit-turisti għax dawn qed jiġu jaqgħu u jqumu mir-regolamenti tal-ġbir tal-iskart. Jekk għall-argument nassumu li dan huwa l-każ, is-sitwazzjoni xorta mhux aċċettabbli. X’inhi r-raġuni li mhux qed titpoġġa r-responsabbiltà fuq is-sidien ta’ dawn il-propjetajiet biex jiżguraw li r-regolamenti jiġu mħarsa, kemm mit-turisti kif ukoll fuq dawk responsabbli mit-tindif ta’ dawn il-propjetajiet li joħorġu l-iskart bl-addoċċ bla rispett ta’ xejn lejn ir-regolamenti? Għaliex mhux qed jingħataw multi jew tidħol il-prattika li jittieħed depożitu mingħand it-turisti f’każ li jagħmlu kontravenzjonijiet marbutin mal-ġbir tal-iskart?
Jidher li din tal-appartament qed tintuża bħala skuża għax dan it-tip ta’ akkomodazzjoni ilhom hemm għal għexieren ta’ snin. L-uniċi affarijiet li nbidlu mis-sena li għaddiet huma l-iskedi tal-ġbir tal-iskart, li evidentement mhumiex qed jissodisfaw id-domanda. Dan huwa każ tipiku li ta’ jew nejja jew maħruqa. Filwaqt li qabel kien hemm skedi differenti għal kull wieħed mit-68 kunsill madwar il-Gżejjer Maltin – li jagħmilha kważi impossibbli li ssegwi r-regolamenti – issa morna fl-estrem l-ieħor fejn ma hemm distinzjoni ta’ xejn imkien. Barra minn hekk, il-kunsilli lokali tneħħilhom il-poter fuq il-ġbir tal-iskart bir-riżultat li s-sindki spiċċaw iduru fin-nofs u jiffaċċjaw baraxx ta’ kritika mingħand ir-residenti, minkejja li ma jistgħu jagħmlu xejn.
Din il-kriżi tal-ġbir tal-iskart hi sinjal ieħor ta’ twissija dwar il-ħtieġa urġenti li nerġgħu nfasslu pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. Sfortunatament, jidher li anke issa li ninsabu dahrna mal-ħajt, hemm min qed jippersisti biex jibqa’ jdaħħal rasu fir-ramel.