General view of plenary session Week 3 2017 in Strasbourg

L-Ewro Parlamentari żiedu l-fondi għal Erasmus + u ġeddew budgets għal investimenti fl-infrastruttura, kif ukoll għal Horizon 2020, il-programm ta’ riċerka tal-UE. 

Huma vvotaw permezz ta’ budget b’total ta’ €166.3 biljun f’impenji, li hu €717 miljun aktar mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni Ewropea. 

Dwar il-pagamenti, l-Ewro Parlamentari fil-Kumitat dwar il-Budgets stabbilewhom għal €149.3 biljun (il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet ta’ €148.7 biljun f’pagamenti). Iċ-ċifri jinkludu l-istrumenti speċjali bħal il-fondi ta’ aġġustament dwar is-solidarjeta’ u l-globalizzazzjoni u l-budget amministrattiv tal-Kummissjoni Ewropea, imma mhux il-budgets amministrattivi tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn. 

Erasmus+, ir-riċerka u l-infrastruttura 

L-Ewro Parlamentari żiedu l-programm Erasmus + bi €362  miljun u saħħew mill-ġdid b’mod sħiħ il-budgets tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi ta’ qabel tal-Connecting Europe Facility (CEF), li tiffinanzja proġetti infrastrutturali, u l-programm Horizon 2020, li jappoġġja proġetti ta’ riċerka, b’żieda ta’ €256.9 miljun. Iż-żewġ programmi ġarrbu qtugħ bħala parti minn miżuri biex jgħinu fil-finanzjar tal-garanzija Ewropea għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI). Huma komplew iżidu l-Horizon 2020 b’€65 miljun u nfieq relatat mal-klima taħt Horizon 2020, CEF u programmi ta’ Heading 2 b’€97.3 miljun ieħor. 

Żidiet prinċipali oħrajn mill-Kumitat dwar il-Budgets lill-budget fi stadju ta’ abbozz tal-Kummissjoni jinkludu: 

  • €346.7 miljun għall-Inizjattiva Xogħol għaż-Żgħażagħ, li t-total għall-2019 għola sa €580 miljun; 
  • €74.7 miljun għal programmi relatati mas-sigurta’ u aġenziji; 
  • €50 miljun f’appoġġ tal-UE lil stati membri milquta mill-African Swine Fever; 
  • €28.9 miljun għal appoġġ lil intrapriżi żgħar u medji (SMEs) 

Il-migrazzjoni 

L-Ewro Parlamentarti saħħew ċertu linji fil-budget b’rabta ċara għall-għeruq tal-kawżi tal-migrazzjoni fi ħdan l-UE, bħall-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (żieda ta’ €147,5 miljun), il-European Neighbourhood Instrument (fondi għall-pajjiżi fin-Nofsinhar u l-Palestina, żieda ta’ €146 miljun) kif ukoll appoġġ ta’ qabel is-sħubija għall-Balkani tal-Punent (żieda ta’ €56.3 miljun). Għal azzjonijiet biex ikunu trattati l-isfidi tal-migrazzjoni fi ħdan l-UE, l-Ewro Parlamentari żiedu l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) bi €33 miljun. 

It-Turkija 

L-Ewro Parlamentari jinsistu li s-sehem tal-budget Ewropew tat-tieni porzjon mit-€3 biljun tal-Faċilita’ għar-Refuġjati fit-Turkija (FRT) ma jistax jaqbeż il-€1 biljun, sabiex jinżamm l-istess proporzjon tal-budget Ewropew u l-kontribuzzjonijiet tal-istati membri bħall-ewwel porzjon. Peress li €550 miljun diġa’ intużaw mill-budget tal-UE għall-2018, il-membri tal-Kumitat naqqsu l-proposta tal-Kummissjoni għall-2019 b’€1 biljun, li wassal għal kontribuzzjoni ta’ €450 miljun (l-istati membri jridu kontribuzzjoni ta’ €2 biljun mill-budget tal-UE – u l-Kummissjoni bbaġitjat €1,450 miljun għall-FRT fl-2019). 

Dwar  l-appoġġ ta’ qabel is-sħubija għat-Turkija,  il-membri tal-Kumitat iddeċidew li ma jreġġgħux l-qtugħ li kien sar mill-Kunsill, u b’hekk tnaqqset parti mill-fondi ta’ qabel is-sħubija b’€66.8 miljun, għal total, bi tnaqqis ta’ €213.5 miljun ‘il isfel mill-proposta tal-Kummissjoni għal fondi li kienu intenzjonati għat-Turkija, minħabba nuqqas ta’ rispett lejn il-valuri Ewropej.