Ix-xogħol f’uffiċċju u l-ħidma wara l-COVID-19
Il-COVID-19 ġabet sfidi umani u umanitarji bla preċedent. Diversi kumpaniji aġixxew malajr biex iħarsu lill-impjegatitagħhom tant li sabu modi ġodda kif il-ħidma titwettaq aħjar.
Qabel il-pandemija, il-prassi kienet li l-uffiċċji jkunu ċentru ta’ produttività u fejn wieħed jesponi t-talent tiegħu. Diversi kumpaniji ffokaw fuq soluzzjonijiet biex jippromwovu l-kollaborazzjoni.
Matul il-pandemija, ħafna ħaddiema u min iħaddem issorprendew ruħhom għall-mod kif it-teknoloġiji għall-videoconferencing u forom oħrajn ta’ kollaborazzjoni diġitali kienu addottati Għal ħafna, ir-riżultat kien ferm aħjar milli wieħed seta’ jimmaġina.
Skont riċerka li saret dan l-aħħar, il-maġġoranza tan-nies li ġew mistoqsija rrappurtaw li huma ħadu gost jaħdmu mid-dar. Perċentwal sostanzjali wera li xi ħaddiema kienu iżjed produttivi milli qatt kienu qabel. Diversi ħaddiema meħlusa minn traġitti twal u minn konġestjonijiet tat-traffiku sabu aktar modi produttivi biex iqattgħu l-ħin, gawdew minn aktar flessibbiltàfil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u, li kieku jingħataw iċ-ċans, jippreferu jaħdmu mid-dar milli mill-uffiċċju.
Qabel ma jinħoloq il-vaċċin, l-esperjenza f’uffiċċjuprobabbilment ma tibqax kif kienet qabel il-pandemija. Ħafna kumpaniji x’aktarx li jobbligaw lill–impjegati biex jilbsu l-maskra l-ħin kollu, jiddisinjaw mill-ġdid l-ispazji biex jassiguraw id-distanza fiżika u jirrestrinġu l-moviment f’zoni fejn hemm ħafna persuni. B’riżultat ta’ dan, l-attitudnijiet lejn l-uffiċċji probabbilment se jibqgħu jevolvu.
Wieħed jistaqsi: se jkun hemm inqas żmien biex wieħed jitgħallem mis-superjuri tiegħu u biex jiżviluppa t-talent? Ix-xogħol mid-dar se jibqa’ jkun deskritt bħala xi ħaġa temporanja u mhux permanenti? Kull organizzazzjoni hija differenti, u l-istess huma ċ-ċirkostanzi ta’ kull ħaddiem individwali.
Ħafna gawdew din l-esperjenza ġdida tal-COVID-19, filwaqt li oħrajn qed jgħejjew biha. Kultant, l-istess nies esperjenzawemozzjonijiet differenti u livelli ta’ kuntentizza jew le f’ħinijiet differenti. Il-produttività tal-ħaddiema li jagħmlu diversi xogħolijiet f’entitajiet partikulari żdiedet; għal oħrajn din naqset. Ħafna forom ta’ kollaborazzjoni virtwali qed jaħdmu tajjeb; oħrajn mhumiex. Xi ħaddiema qed jiksbu t-taħriġ, jingħataw il-pariri u jipparteċipaw f’konversazzjonijiet informali, mhux pjanati u importanti mal-kollegi. Oħrajn, sfortunatament, mhumiex qed jesperjenzaw dan!