Ix-xalata għaddiet!
Għall-ewwel darba minn meta bdiet is-sistema parlamentari b’żewġ partiti biss, l-elezzjoni ġenerali se tkun ikkontestata minn żewġ mexxeja ġodda. Il-leġiżlatura li kważi ntemmet, tispikka bħala waħda mill-aktar politikament mqallba minn żmien l-Indipendenza. Il-kriżi politika tal-2019 li wasslet għar-riżenja ta’ Joseph Muscat, kienet segwita mill-avvenimenti daqstant bla preċedent fi ħdan l-Oppożizzjoni li wasslu biex Adrian Delia tneħħa mit-tmexxija. Intant, kien hemm numru eċċezzjonalment għoli ta’ riżenji mill-Kabinett u mill-Kamra tad-Deputati. L-aktar aspett sinifikanti kien li fil-każ tal-Labour, il-biċċa l-kbira tad-deputat l-ġodda daħlu fil-parlament permezz tal-co-option minkejja li kien hemm ir-rotta ferm aktar demokratika ta’ elezzjoni każwali.
Dawn il-ħames snin imqallba bdew bil-qtil makabru u brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jintemmu fuq nota daqstant negattiva bid-deċiżjoni li Malta tpoġġiet fuq il-lista l-griża minħabba nuqqasijiet serji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.
Allura fejn qegħdin issa? Min se jkun fit-tmun se jkollu biċċa xogħol iebsa. Minbarra li tissewwa r-reputazzjoni tal-pajjiż, hemm sinjali inkwetanti fir-rigward tal-għoli tal-ħajja u l-livell tad-dejn li qed jiżdied. Fl-aħħar xhur l-oġġetti essenzjali bħall-ħobż, il-ħalib u prodotti tal-merċa oħra żdiedu, u b’hekk qed jieklu mid-dħul ta’ ħafna familji li diġà kienu qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja. Il-gvern jista’ jkun ġustifikat li jgħid li m’għandux tort peress li dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu r-riżultat ta’ fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tiegħu, bħat-trasport tal-merkanzija u ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima. Madankollu, meta niġu għad-dejn pubbliku dan huwa każ ta’ “mia culpa mia maxima culpa”. Ma’ kull jum li jgħaddi, qed joħorġu fid-dawl skandli ġodda. Apparti s-serqa fid-dawl tax-xemx bil-bejgħ tat-tliet sptarijiet tal-Istat li diġà sewa aktar minn €400 miljun, kien hemm ftehim il-kirja ta’ €31 miljun għall-uffiċċji tal-Malta Business Registry, lista twila ta’ direct orders, kif ukoll nies tal-qalba li tpoġġew f’karigi f’entitajiet pubbliċi b’salarji eżorbitanti li huma d-doppju tal-ministru nnifsu.
Madankollu, iż-żejt issa tielgħa f’wiċċ l-ilma. L-ispiża enormi biex l-ekonomija baqgħet għaddejja matul il-pandemija tal-Covid-19 flimkien mat-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tal-passaporti wasal biex il-kaxxa ta’Malta qed titbattal. F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjonijiet riċenti dwar l-evażjoni tat-taxxa tal-ministru tal-finanzi li donnu irid jiftaħ front kontra l-komunità tan-negozju, qajmu kontroversja.
Kwalunkwe miżura ta’ evażjoni tat-taxxa trid tibda billi tindirizza l-ekonomija s-sewda li f’Malta hija stmata li hi ta’ madwar 25 fil-mija. Inkella, li tipprova tagħfas aktar liċ-ċittadini onesti, tkun sempliċiment qed toħloq inġustizzja u tpaxxi lil min qed jevadi. Fix-xenarju attwali, il-ministru tal-finanzi għandu l-ewwel jikkunsidra li jirrevoka ċerti ftehim li jiswew il-miljuni u jwaqqaf il-kuntratti ta’ dawk mal-Gvern li huma mħallsa pagi esaġerati. Barra minn hekk, ikun pass kbir ’il quddiem jekk titwaqqaf il-prattika li l-ministri jimpjegaw nies mal-Gvern f’xogħol mhux produttiv biex jieħdu l-vot tagħhom.
Sadanittant, il-ministeru tal-finanzi jista’ wkoll iżur id-diversi yacht marinas u jitkellem ras’im b’ras ma’ dawk is-sidien tal-opri tal-baħar li għandhom dħul modest biex jifhem il-mod straordinarju li bih kienu kapaċi jġemmgħu tant flus fi żmien qasir.
Dawn iż-żewġ inizjattivi għandu jkollhom il-potenzjal li jibdew jibbilanċjaw il-kotba u jibgħatu messaġġ qawwi. Għalkemm m’għandniex sfera tal-kristall biex inkunu nafu min se jkun qed jindirizza lill-folla minn Kastilja wara l-elezzjoni li jmiss, il-messaġġ huwa qawwi u ċar. Ix-xalata spiċċat.