Il-Parlament adotta r-reviżjoni tal-hekk imsejjaħ Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi b’486 vot favur, 132 vot kontra u 10 astensjonijiet. Dan jistabbilixxi tnaqqis annwali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għat-trasport bit-triq, it-tisħin tal-bini, l-agrikoltura, l-installazzjonijiet industrijali żgħar u l-immaniġġjar tal-iskart għal kull Stat Membru tal-UE u bħalissa jirregola madwar 60% tal-emissjonijiet kollha tal-UE.

Il-liġi riveduta żżid il-mira tat-tnaqqis tal-gassijiet serra tal-2030 fil-livell tal-UE minn 30% għal 40% meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Għall-ewwel darba, il-pajjiżi kollha tal-UE issa jridu jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’miri li jvarjaw bejn 10 u 50%. Il-miri tal-2030 għal kull Stat Membru huma bbażati fuq il-PDG per capita u l-cost effectiveness. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll kull sena li ma jaqbżux l-allokazzjoni annwali tagħhom ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Flessibbiltà u trasparenza

Il-liġi ssib bilanċ bejn il-ħtieġa li pajjiżi tal-UE jkunu flessibbli biex jiksbu l-miri tagħhom filwaqt li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u soċjalment ekwa, u l-ħtieġa li jingħalqu l-lakuni sabiex tintlaħaq il-mira ġenerali tat-tnaqqis tal-UE. Għal din ir-raġuni, hemm limiti dwar kemm-il emissjoni jistgħu jiffrankaw l-Istati Membri mis-snin preċedenti, jissellfu mis-snin futuri, kif ukoll dwar kemm jistgħu jiskambjaw allokazzjonijiet ma’ Stati Membri oħra.

Sabiex tkun tista’ żżomm lill-Istati Membri responsabbli, il-Kummissjoni se tippubblika informazzjoni dwar azzjonijiet nazzjonali f’format faċilment aċċessibbli, kif mitlub mill-Parlament. It-test għadu jrid jiġi approvat formalment mill-Kunsill. Imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ wara 20 ġurnata.


Sfond

Ir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi huwa parti mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55% fl-2030″, li huwa l-pjan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.