Is-sigurtà fit-toroq Maltin
Is-sigurtà fit-toroq fil-Gżejjer Maltin hi xi ħaġa ta’ tħassib mhux biss għas-sewwieqa iżda wkoll għal pubbliku b’mod ġenerali li jkun miexi fit-triq. Il-kwistjoni mhix biss waħda ta nuqqas ta’ dixxiplina, iżda wkoll ta’ popolazzjoni li kibret wisq, sewwieqa frustrati li jippruvaw jieħdu triq b’oħra biex jgħaġġlu, rabja fit-toroq kif ukoll abbuż minn sustanzi u alkoħol. Dawn il-fatturi kollha kkontribwew biex jagħmlu t-toroq Maltin ferm perikolużi kif jixhdu ċ-ċifri li kienu ppubblikati dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. L-2022 kienet l-aktar sena f’termini ta’ mwiet tat-traffiku: b’total ta’ 26 mewt fit-toroq.
L-2023 diġà ħasdet erba’ ħajjiet fl-ewwel tliet xhur filwaqt li n-numru ta’ każi ta’ ġrieħi gravi rrappurtati matul dan il-perjodu żdied bi 13.3% fuq l-ewwel kwart tal-2022. L-indikazzjonijiet minn April s’issa m’huma sbieħ xejn fejn kien hemm tliet imwiet fl-aħħar ġimgħa. Filwaqt li sezzjonijiet tal-midja donnhom ippruvaw iserrħu ras in-nies bil-fatt li s’issa din is-sena kien hemm inqas imwiet, għalina s-sitwazzjoni xorta għadha allarmanti. L-ebda ammont ta’ spin politiku ma jista’ jikkonsla lill-qraba ta’ dawk li mietu b’riżultat ta’ inċidenti tat-traffiku. Biex tgħaxxaqha, hemm problema li anke meta dawk responsabbli għal dawn it-traġedji jitressqu quddiem il-ġustizzja, l-eżitu kultant iħalli togħma morra. Dan kien il-każ ta’ Moira Cauchi li fl-2016 ittajret minn sewwieq li kien għaddej b’veloċità ta’ 110 kilometri fis-siegħa waqt li kienet qed tistenna biex taqsam fuq żebra crossing fil-Gżira. Apparti l-ġrieħi gravi li ġarrbet wara li ntefgħet fl-arja in-naħa l-oħra tat-triq, il-vittma sofriet trawma fil-moħħ, li ħallietha bi problemi biex titkellem kif ukoll telf ta’ memorja għal żmien qasir. Fl-aħħar mill-aħħar damet xhur biex terġa’ tikseb xi forma ta’ normalità għalkemm ħajjitha qatt ma ġiet l-istess. Mill-perspettiva legali, il-ġustizzja damet seba’ snin biex ħadet il-kors tagħha u bir-riżultat finali jħalli togħma pjuttost morra. Is-sewwieq kien kundannat sentenza sospiża, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin u multa ta’ €1,683. Filwaqt li kien hemm minn ipponta subajgħ lejn il-ġudikant, wieħed irid iħares ukoll lejn il-parametri tal-liġi. F’dan ir-rigward kien hemm appelli biex il-kodiċi kriminali jiġi rivedut biex jiġi żgurat li f’każi bħal dawn il-piena tkun proporzjonali għall-gravità tad-delitt imwettaq.
Il-messaġġ għandu jkun qawwi u ċar: is-sewqan perikoluż huwa reat serju ħafna b’konsegwenzi possibbilment fatali. Forsi għal ħafna snin, l-infurzar iffoka wisq fuq reati minuri bħall-ipparkjar illegali. Wasal iż-żmien li wieħed jikkontempla projbizzjonijiet itwal tal-liċenzji tas-sewqan jew saħansitra termini ta’ ħabs. Sfortunatament, l-isforzi biex jiġu abbozzati strateġiji u kummissjonijiet tas-sigurtà fit-toroq ftit li xejn se jagħtu l-frott sakemm il-cowboys fit-toroq Maltin jibqgħu jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd.