Is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol: għaliex iż-żgħażagħ huma fir-riskju?
Is-swieq tax-xogħol tal-lum huma postijiet tax-xogħol iebsin għal uħud miż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol. Ħafna jħossu l-pressjoni li jaċċettaw l-ewwel impjieg li jiġu offruti, xi kultant mingħajr ma jikkunsidraw jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol ipoġġux is-saħħa u s-sigurta’ tagħhom f’riskju.
Din hi problema, peress li ħaddiema żgħażagħ iġarrbu ġrieħi jew mard fuq ix-xogħol b’rati ferm għoljin minn ħaddiema adulti.
Globalment, 374 miljun ħaddiem ġarrbu ġrieħi mhux fatali fil-post tax-xogħol fl-2014. Skont l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurta’ fil-Post tax-Xogħol, iż-żgħażagħ fl-Ewropa huma 40 fil-mija aktar suxxettibbli li jġarrbu ġrieħi relatati max-xogħol minn ħaddiema akbar minnhom fl-eta’.
Is-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol hu dritt bażiku tal-bniedem, iżda hemm aktar minn hekk. Ir-rata għolja ta’ inċidenti fost il-ħaddiema żgħażagħ hi ta’ tħassib partikulari, għax inċident wieħed jista’ jeqred il-ħajja u l-opportunitajiet ta’ karrieri, id-dħul finanzjarju kif ukoll il-ħarsien ġenerali.
Prattiċi foqra dwar is-saħħa u s-sigurta’ jiswew kważi erbgħa fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross globali kull sena, kważi tliet triljuni f’ewro. Filwaqt li dawn l-istimi huma bbażati primarjament fuq l-ispiża ekonomika għan-negozji u l-gvern, meta ħaddiem żagħżugħ iweġġa’, snin ta’ produttivita’ jintilfu flimkien mal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
Hemm numru ta’ fatturi li jpoġġu lill-ħaddiema żgħażagħ f’riskju. Dawn jinkludu impjiegi instabbli, il-livelli edukattivi, in-nuqqas ta’ ħiliet u taħriġ, l-iżvilupp fiżiku tal-persuna u l-vulnerabbiltajiet fost il-ħaddiema żgħażagħ.
Kif nistgħu nsolvu l-problema? Dan jista’ jseħħ billi ż-żgħażagħ jkunu aktar involuti, tissaħħaħ id-data, issir aktar enfasi fuq il-leġislazzjoni u r-regolarizzazzjoni, tingħata iżjed importanza lill-ftehim kollettivi u fuq kollox jitkattar l-għarfien u tissaħħaħ l-edukazzjoni fost il-ħaddiema żgħażagħ u min iħaddem.
L-assigurazzjoni tas-sigurta’ għall-ġenerazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ illum hi wkoll investiment fis-sigurta’ tal-ġenerazzjonijiet tal-futur kif ukoll investiment intelliġenti għan-negozji u s-soċjeta’ b’mod ġenerali.
Iż-żgħażagħ jifhmu r-realtajiet tal-ħajja tagħhom fil-post tax-xogħol aħjar minn ħaddieħor filwaqt li l-vuċijiet u l-ideat tagħhom għandhom ikunu ċentrali għall-isforzi biex jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurta’ tagħhom fil-post tax-xogħol.