Is-saga tax-xogħlijiet fit-toroq
Xogħlijiet ta’ kaf kaf, nuqqas ta’ ppjanar, tmexxija ħażina, proġetti li jtawwlu iż-żejjed u infiq li jaqbeż l-istima bil-bosta, huma wħud mill-affarijiet li jiġu f’moħħna kull meta jkun hemm dibattitu dwar l-istat tat-toroq Maltin. Dawn il-kwistjonijiet jidhru li saru endemiċi u ma ġewx eradikati minkejja l-bosta riformi u wegħdi matul is-snin minn diversi amministrazzjonijiet. L-aktar tentattiv riċenti biex l-affarijiet isiru sewwa sar fl-2018 bit-twaqqif tal-aġenzija Infrastructure Malta. Għaddew ħames snin, imma jidher ċar li għad fadal triq twila.
Fil-ġimgħat li għaddew kull min kien għaddej mill-Bajja tal-Għadira seta’ jinnota tħaffir ta’ trinek li ilu għaddej mill-bidu tas-sena. Għalkemm f’ċirkostanzi bħal dawn, hu normali li jkun hemm dewmien, huwa inaċċettabbli li tkun kompromessa s-sigurtà tas-sewwieqa. F’dan il-każ, huwa inkonċepibbli kif it-traffiku tħalla jgħaddi minn karreġġjata waħda f’direzzjonijiet opposti mingħajr bollards tas-sigurtà jew blokki tal-konkos biex jisseparaw il-vetturi. Kien biss wara kritika ħarxa u wara li bosta ħelsuha ħafif li ttieħdet azzjoni u ġew installati xi bollards temporanji. Is-sitwazzjoni aggravat fi tmiem il-ġimgħa meta kien hemm ftit jew xejn preżenza ta’ uffiċjali tal-pulizija jew uffiċjali ta’ Transport Malta biex imexxu t-traffiku. Ir-riżultat kien staġnar totali.
L-affarijiet ukoll mhux qed jippromettu mil-lat tekniku. Erba’ snin ilu, Infrastructure Malta kienet ħabbret li parti mill-Bypass tal-Mellieħa li kienet għadha kif saret mill-ġdid kellha terġa’ ssir għax irriżulta li x-xogħlijiet ma kinux ta’ livell aċċettabbli. Għalkemm dakinhar, dan kien ġie ttrattat bħala sinjal li l-aġenzija ma kinitx se taċċetta xogħol ħażin, din it-triq arterjali ewlenija għadha ma saritx mill-ġdid. Minkejja diversi appelli biex ix-xogħol isir, stejjer fil-gazzetti u mistoqsijiet parlamentari, it-tiswijiet li suppost kellhom jitħallsu mill-kuntrattur għadhom ma sarux. Dan kollu jżid is-suspetti li minkejja r-riformi li saru, ċertu drawwiet qodma diffiċli ħafna li jinqerdu. Għaddew erba’ snin, u l-poplu għadu qed jistenna li jikseb valur għal flusu.
Dan l-aħħar, ix-xogħlijiet fit-toroq reġgħu kienu fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena. Din id-darba r-residenti f’Ħal Balzan kellhom jissaportu l-inkonvenjent ikkawżat minn xogħlijiet bla waqfien li damu għaddejjin sal-4am. Biex tkompli titfa’ l-melħ fil-ferita, il-pulizija qalet lir-residenti li ma setgħu jagħmlu xejn dwar dan peress li l-kuntrattur kien ingħata l-barka minn Transport Malta u Infrastructure Malta. Konsegwentement, ix-xogħlijiet komplew daqs li kieku ma kien xejn.
Mill-perspettiva finanzjarja, jidher ukoll li għad hemm il-problemi. Jekk pereżempju nagħtu ħarsa lejn il-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ diversi mini f’toroq arterjali, naraw li l-ispiża telgħet minn €10 miljun għal kważi d-doppju.
Il-lista ta’ nuqqasijiet tkompli fost ta’ eżempji ta’ ppjanar ħażin jew proġetti li jieħdu xhur jekk mhux snin biex jitlestew, bħallikieku m’hemm l-ebda sens ta’ urġenza. Eżempju bħal dan kien Triq Dun Nerik Cordina Perez fil-Ħamrun – li hi triq ta’ 100 metru biss. Minkejja dan ix-xogħol ħa erba’ xhur biex tlesta!
Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Infrastructure Malta, Trustin Farrugia Cann, għandu biċċa xogħol kbira quddiemu biex jilħaq il-miri ambizzjużi li kienu ġew stabbiliti meta twaqqfet din l-aġenzija. Filwaqt li x-xogħol ma jistax isir f’daqqa mil-lejl għan-nhar, nippretendu li jkun hemm impenn kontinwu biex flus il-poplu jintefqu sewwa, ikun hemm standards ogħla u titħares is-sigurtà tas-sewwieqa.