Ir-riskju li ċertu ħaddiema jieħdu l-Covid-19 minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom għandu jkun rikonoxxut
Filwaqt li l-kriżi sanitarja fl-Ewropa marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 ilha titjieb, is-sitwazzjoni epidemjoloġika għadha serja. Dan jiġġustifika tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fid-dawl tal-possibbiltà ta’ mewġiet futuri tal-virus.
Fil-Kumitat Konsultattiv tal-UE dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH), l-Istati Membri, il-ħaddiema, u min iħaddem waslu għal ftehim dwar il-ħtieġa li l-COVID-19 jiġi rikonoxxut bħala marda marbuta max-xogħol f’setturi fejn hemm riskju ta’ infezzjoni.
Xi ħaddiema, speċjalment dawk fis-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali, huma f’riskju ogħla li jiġu nfettati bil-COVID-19. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà jirrikonoxxu dan, hemm bżonn li jiġi promoss tali rikonoxximent fl-Istati Membri kollha, li jippermetti lill-ħaddiema jiksbu drittijiet speċifiċi skont ir-regoli nazzjonali, bħad-dritt għal kumpens.
Il-ftehim huwa pass sinifikanti lejn l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027, u li fih il-Kummissjoni ħabbret li sal-aħħar tas-sena, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mard b’rabta max-xogħol se tiġi aġġornata biex tinkludi l-COVID-19 .