Investigazzjoni tal-Ombudsman twassal għad-dritt tal-appell fuq irmunkar ta’ karozzi
Investigazzjoni mill-Ombudsman dwar ilment minn sewwieq li l-vettura tiegħu ġiet irmunkata minn aġenzija tal-infurzar, wassal għall-introduzzjoni tad-dritt ta’ appell fuq tali kontravenzjoni.
Dettalji dwar dan il-każ ħarġu fir-rapport annwali li fih l-Ombudsman jelenka xi wħud mill-investigazzjonijiet li saru minn dan l-Uffiċċju, f’dan il-każ fl-2021.
Jirriżulta li meta l-karozza kienet ipparkjata f’Tas-Sliema ma kienx hemm restrizzjonijiet ta’ parkeġġ. Madankollu, jumejn wara dan il-post ġie indikat bħala tow zone minħabba xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kellhom isiru. Konsegwentement, il-karozza ġiet irmunkata u kien biss sitt ijiem wara li sidha sar jaf b’dak li ġara. Meta s-sid mar jiġbor il-karozza fl-uffiċini tal-LESA fil-Fgura ġie ppreżentat b’żewġ għażliet xejn sbieħ – jew iressaq petizzjoni biex jikkontesta l-kontravenzjoni iżda jħallas €15 ta’ kull ġurnata li l-vettura tinżamm għand il-LESA sakemm jinqata’ l-każ, jew iħallas il-multa u spejjeż addizzjonali mill-ewwel li kienu ammontaw għal €290 (€200 multa u €90 ħlas għaż-żamma tal-karozza għal sitt ijiem) biex ikun jista’ jieħu l-vettura lura. Kien f’dan l-istadju meta s-sewwieq fetaħ każ għand l-Ombudsman isostni li l-irmunkar tal-karozza tiegħu sar b’mod abbużiv u li l-ispejjeż taż-żamma tal-karozza ġew imposti fuqu b’mod inġust.
Matul l-investigazzjoni ġie stabbilit li LESA kienet ippruvat tikkuntattja lis-sid biex ineħħi l-karozza imma marru f’indirizz ħażin. Barra minn hekk, irriżulta li f’każijiet bħal dawn is-sidien reġistrati jiġu notifikati fi żmien 10 ijiem minn meta l-vettura tagħhom tiġi rmunkata, jiġifieri jistgħu jeħlu sa €150 fi spejjeż. L-Ombudsman irrimarka li prattika bħal din kienet inġusta peress li l-individwi m’għandhomx ikunu sfurzati jħallsu għall-ineffiċjenza u d-dewmien tal-amministrazzjoni pubblika.
“Mhuwiex raġonevoli li wieħed jistenna li s-sid ikun imċaħħad mill-użu tal-vettura għal jiem jew saħansitra ġimgħat sakemm il-każ jinstema’ mit-Tribunal Lokali jew biex tiġi deċiża petizzjoni. Fiż-żewġ każijiet is-sidien reġistrati huma “kostretti” li jħallsu l-penali biex jiżguraw ir-rilaxx tal-vettura tagħhom u b’hekk jitilfu r-rimedju pprovdut mil-liġi,” l-Ombudsman qal.
Għalhekk, il-liġi kienet inġusta peress li effettivament is-sidien tal-vetturi qed ikunu mċaħħda minn rimedju effettiv, żied l-Uffiċċju.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Ombudsman iddeċieda li t-talba biex tingħata lura l-multa ta’ €200 ma setgħetx tintlaqa’ peress li l-irmunkar ma kienx abbużiv. Madankollu, l-Uffiċċju laqa’ t-talba għar-rifużjoni tal-kont ta’ €90 għax dan kien konsegwenza diretta tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-amministrazzjoni pubblika biex tiġi żgurata notifika korretta tal-avviż ta’ kontravenzjoni.
Fuq nota pożittiva, din ir-rakkomandazzjoni ttieħdet u l-Ministru tal-Intern u l-LESA ħadu azzjoni biex iħaffu l-proċeduri ta’ notifika għal każijiet futuri. Barra minn hekk, peress li m’hemm l-ebda dispożizzjoni legali għad-dritt ta’ appell għal kontravenzjoni bħal din, il-LESA introduċiet mekkaniżmu intern biex tagħti tali opportunità.
Konsegwentement, jekk sid ta’ vettura rreġistrata juri interess li jappella għal din il-multa, ikun ordnat li jissottometti talba bil-miktub għal konsiderazzjoni. Din imbagħad tiġi evalwata mill-maniġment li jqis kwalunkwe evidenza sottomessa minn sid il-vettura u miġbura mill-uffiċjali tal-komunità. Jekk jirriżulta li s-sid ma kellux tort, l-aġenzija tħallas lura lis-sid kif xieraq.