Insalvaw l-ibħra tagħna mit-tniġġiż kaġunat mill-plastik
Hu stmat li sa 12-il miljun tunellata ta’ plastik qed jispiċċa jniggeż l-ibħra tagħna madwar id-dinja kull sena. Il-baħar qed jifga u ma jistax ilaħħaq mal-pjaga tat-tniġġiż.
Il-gvernijiet jistgħu jindirizzaw din is-sitwazzjoni bis-serjeta’. Bħalissa l-Ministri Ewropej responsabbli mill-Ambjent qed jirrevedu l-liġijiet tal-iskart tal-Unjoni Ewropea. Maż-żmien qed nipproduċu aktar u aktar plastik għar-rimi. Jidher li l-iskemi tar-riċiklaġġ mhumiex qed jirnexxu. It-tniġġiż mill-plastik qed jibdel, b’rata mgħaġġla, l-ibħra tagħna fl-ikbar zona tal-iskart fid-dinja. Il-plastik jibqa’ fl-ambjent għal mijiet ta’ snin u jista’ joqtol il-ħajja fl-ibħra filwaqt li jsib ruħu fil-katina tal-ikel.
Fil-Baħar Mediterran, li aħna nagħmlu parti minnu, fdalijiet mill-plastik instabu fl-intern tal-ħut, tal-għasafar, tal-fkieren u tal-baleni. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Irridu naġixxu malajr sabiex inwaqqfu dan it-tniġġiż milli jibqa’ għaddej.
Il-Prinċep ta’ Wales, li attenda l-konferenza Our Oceans f’Malta fil-jiem li għaddew, stqarr fost oħrajn li l-problemi li l-ħarsien tal-ibħra qed jaffaċċja, mhumiex biss kbar, imma “wkoll sistematiċi u relatati ma’ xulxin”. Hu qal li r-rimedju tagħhom jista’ biss jinstab billi nibnu konsensus madwar firxa wiesgħa fost l-entitajiet interessati u l-komunitajiet. Il-Prinċep Karlu sejjaħ għal azzjoni deċiżiva.
Il-Gvern Malti qed iniedi pjan sabiex itaffi l-impatt tal-iskart marittimu fil-baħar. Pajjiżna se jkun qed jikkommetti ruħu sabiex sa tmiem l-2019 jirkupra 70 fil-mija tal-fliexken tal-plastik ġenerati fil-gżejjer Maltin. Dan billi l-Gvern se jkun qed jintroduċi skema ta’ rifużjoni mill-fliexken tal-plastik.
Inqas paroli u aktar azzjoni! Jalla din l-iskema taħdem għax skemi simili li ġew introdotti f’pajjiżi oħrajn jidher li ma rnexxewx. Malta u l-kumplament tal-pajjiżi Ewropej għandhom jinkoraġġixxu bidla fil-ħsieb u jkunu kreattivi sabiex isibu s-soluzzjonijiet. Ikun iżjed għaqli li Malta tnaqqas u tuża mill-ġdid qabel ma tirriċikla!