Il-verità kollha se toħroġ xi darba….imma bi prezz
Skont il-Kostituzzjoni, il-Prim Ministru għandu ħafna poteri. Imma dan ma jfissirx li jista’ jagħmel li jrid. Il-pressjoni hija waħda politika biex jimxi skont ir-raġuni.
Għalhekk hemm l-istituzzjonijiet u l-media li jipprovaw jikkontrollawh. Hemm ukoll mezzi legali li jżommu lill-Eżekuttiv milli jkompli jesegwixxi xogħolu. Infakkru li l-familja Caruana Galizia diġà rebħet kawża kostituzzjonali fejn oġġezzjonat li jkun hemm ċertu persuni fit-tim investigattiv tal-Korp tal-Pulizija dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan kien każ fejn kien argumentat li d-dritt tal-ħajja jfisser ukoll li meta xi ħadd jiġi maqtul, l-investigazzjoni tkun serja u imparzjali. Meta jinqatel xi ħadd, l-istat irid jara li l-investigazzjoni tkun effiċjenti. Fil-fatt kien ġie deċiż mill-Qorti li l-investigazzjonijiet ma kinux imparzjali u ntrebħet kawża kostituzzjonali. Bl-istess argument, meta Prim Ministru jinvestiga żżejjed u jagħti l-informazzjoni hu stess, u meta nies qrib tiegħu għandhom dell ikrah fuqhom, wieħed jista’ jgħid li l-investigazzjoni hija imparzjali?
X’wassal biex il-Prim Ministru ħataf kollox taħt idejh? Skont Tonio Borg, li serva bħala Ministru tal-Intern għal 10 snin, f’intervista li saritlu fuq it-televiżjoni l-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru qed jagħmel dan biex jagħti ‘laqta politika’ lill-investigazzjoni. L-impressjoni li qed tingħata hemm barra hi li l-Prim Ministru donnu qed jgħatti l-aġir ta’ numru ta’ individwi, u allura għandu jerfa’ ir-responsabbiltà politika.
Barra minn hekk, Voice of the Workers jikkontendi li l-Avukat Ġenerali għandu responsabbiltà kbira daqs dik ta’ imħallef u għandu l-independenza biex jiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu passi kriminali kontra l-ogħla membru tas-soċjetà. Jekk dan ix-xogħol isir sew allura l-investigazzjoni jkollha l-frott tagħha imma jekk ma ssirx sew, se jiddomina l-politiku. Issa huwa l-mument tal-verità u nittamaw li x-xogħol li għandu jsir, isir bla biża. M’għadniex nitkellmu biss fuq korruzzjoni, imma fuq korruzzjoni marbuta ma’ qtil.
U l-Kummissarju tal-Pulizija fejn qed ikun? In-nuqqas tiegħu, li s’issa għadu ma deherx jew imqar lissen kelma waħda dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa, iqajjem suspetti kbar. Ma ssejħet ebda crime conference mill-Kummissarju tal-Pulizija u minflok qed ikun il-Prim Ministru stess li qed jissupplixxina bl-informazzjoni.
Voice of the Workers jibqa’ jisħaq biex il-verità toħroġ kollha għax hija essenzjali għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-politiċi. Il-verità kollha se toħroġ, xi darba, imma bi prezz. Huwa tajjeb li jintużaw il-maħfriet imma dawn iridu jintużaw biex ikissru ċ-ċirku tal-kriminali u bil-patt li kulmin kien involut f’dan il-qtil barbaru, anki fl-iċken mod, jieħu dak li ħaqqu.
Għalhekk qed isiru l-protesti organizzati mis-soċjetà ċivili biex issir pressjoni kbira ħalli l-verità kollha toħroġ bla dewmien żejjed.
Intant, il-pożizzjoni attwali tal-Prim Ministru m’għadhiex tenibbli u ntenni l-kliem tal-organizzazzjoni Repubblika li “b’Joseph Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja sat-12 ta’ Jannar 2020 hija theddida u insult għall-proċess tal-ġustizzja”.
Dan l-artiklu ntbagħat għall-pubblikazzjoni t-Tlieta 3 ta’ Diċembru 2019