Il-UĦM Voice of the Workers kellha kull dritt li tieħu azzjoni fil-każ tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni tal-Konkattidral ta’ San Ġwann li ma tħallsux sal-ġurnata stabbilita bi ksur tal-ftehim kollettiv.

Dan ħareġ waqt laqgħa ta’ konċiljazzjoni li saret għand id-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali bejn uffiċjali tal-UĦM u t-tmexxija tal-Fondazzjoni.

Il-każ seħħ ix-xahar li għadda meta dakinhar li suppost ħadu l-paga il-ħaddiema kienu notifikati b’email li l-paga ma kinitx se tidħol fil-kont bankarju tagħhom minħabba xi problema min naħa tal-bank.  Minflok kienu se jitħallsu t-Tnejn ta’ wara.

Cher Smith, manager tat-taqsima tal-UĦM responsabbli minn dawn il-ħaddiema qalet lil Voice of the Workers Weekly li l-union ma kinitx infurmata b’dan mill-management iżda saret taf mill-ħaddiema.

“Kif saret taf, il-UĦM ipproponiet li dawk il-ħaddiema li kienux f’pożizzjoni finanzjarja li jistennew tlett ijiem biex jitħallsu, anki għaliex kien hemm l-ispejjeż tal-bidu tas-sena skolastika, jingħataw il-paga fi flus kontanti,” Smith qalet.

Madankollu l-management kien irrifjuta u insista li l-ħaddiema jitħallsu b’cheque.

“Għalina din ma kinitx soluzzjoni tajba għax dan kien se jfisser li biex jissarraf il-ħaddiema kien ikollhom jistennew diversi jiem sakemm jiġi proċessat,” il-manager tal-UĦM sostniet.

Jirrizulta wkoll li din ma kinitx l-ewwel darba li l-paga daħlet tard, għax kien hemm żewġ każi oħra, l-aħħar wieħed fl-2019 li dan ġara. Tant hu hekk li fil-ftehim kollettiv li kien iffirmat wara kienet iddaħlet klawsola apposta dwar il-jum li jitħallsu l-ħaddiema.

Kien f’dan l-isfond li l-UĦM ħarġet direttiva biex it-Tnejn ta’ wara, il-ħaddiema jirrapportaw għax-xogħol bi ħwejjeġ casual u jqassmu nota lill-viżitaturi li fiha kienu qed jispjegaw ir-raġuni wara l-protesta simbolika tagħhom.  Din id-direttiva ġiet irtirata dak il-jum stess li daħlet fis-seħħ hekk kif il-pagi bdew deħlin fil-kontijiet tal-ħaddiema.

“Fir-realtà l-azzjoni meħuda ma kellha l-ebda impatt negattiv fuq l-operat tal-Fondazzjoni jew riperkussjonijiet finanzjarji għax kienet sempliċiment ġest simboliku. Il-UĦM kienet prudenti għax f’sitwazzjoni bħal din kellha kull dritt tieħu passi iktar drastiċi,” Smith qalet.

Il-kwistjoni kienet fuq l-aġenda ta’ laqgħa konċiljatorja fejn irriżulta li l-problema ma kinitx tort tal-bank kif kien intqal mill-management, imma minħabba l-fatt li l-pagi inħadmu tard mill-Fondazzjoni. Minkejja li minn diversi jiem qabel kien hemm indikazzjoni ta’ dak li kien se jiġri, tant li l-anqas il-payslip ma daħlet fil-ħin, il-management żamm kollox mistur u informa biss lill-ħaddiema dakinhar li suppost kellhom jieħdu l-paga.

Kien għalhekk li l-UĦM irrakkomandat li minn issa ’l quddiem il-pagi jibdew jinħadmu qabel biex jekk ikun hemm xi intopp, ikun hemm biżżejjed ċans biex ikun indirizzat, u b’hekk il-ħaddiema jitħallsu fil-ħin.

Min naħa tagħha d-Direttur tax-Xogħol għamlitha ċara li min iħaddem irid isib mezz biex id-data li fiha l-ħaddiema jitħallsu tkun rispettata.

Il-manager tal-UĦM fissret kif union serja ma tistax tħalli nuqqasijiet bħal dawn għaddejjin daqs li kieku ma ġara xejn imma fl-istess ħin trid tkun prudenti fl-azzjonijiet li tieħu.

Voice of the Workers Weekly tkellmet ukoll ma’ managers ta’ taqsimiet oħra fi ħdan il-UĦM li fissru kif każijiet bħal dan joħolqu tbatija bla bżonn għal dawk il-ħaddiema li jaqgħu fil-kategorija ta’ working poor. Din id-definizzjoni tapplika għal dawk li minkejja li jkollhom xogħol fiss xorta ma jkunux jistgħu ilaħħqu mal-ħajja. Għalhekk, il-UĦM hi fid-dmir li taqbeż għal dawn il-ħaddiema, għax ħlas tard jista’ jfisser ukoll li jeħlu multi mill-bank jekk ma jħallsux il-pagamenti tas-self fid-data stabbilita. Meta jiġri dan il-ħaddiema ikunu qed jiġu kkastigati intortament. Aġir bħal dan żgur li ma jistax jiġi tollerat.