L-affordabbiltà tal-proprjetà fil-Gżejjer Maltin ilha nieżla b’mod kostanti għal dawn l-aħħar 50 sena, iżda s-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-aħħar għaxar snin. Dan jindika li waħda mill-kawżi jista’ jkun li kienet iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni li seħħet fl-istess perjodu, fejn il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’100,000 ruħ u laħqet 545,000.

Dan is-suġġett ġie diskuss fi preżentazzjoni mill-UHM Voice of the Workers waqt il-Konferenza annwali ta’ Jum il-Ħaddiem li saret fl-Aula Magna, il-Belt Valletta.

Jirriżulta li bejn l-1975 u l-2025, il-prezz tal-proprjetà – li f’dan l-istudju ġie kklassifikat bħala appartamenti, djar u vilel ibbażati fuq reklami li dehru fit-Times of Malta – żdied gradwalment meta mqabbel mal-pagi f’Malta. F’dan ir-rigward ġew magħżula żewġ benchmarks – il-paga minima u l-paga medja.

Il-konklużjonijiet ewlenin kienu dawn:

  • L-affordabbiltà tal-proprjetà marret lura bl-istess rata għall-aħħar 50 sena, iżda mill-2015 ‘l hawn, il-prezzijiet bdew jogħlew b’rata aktar mgħaġġla, speċjalment dawk tal-vilel.
  • L-art għall-bini, fis-suq tal-propjetà illum huma rari peress li hemm inqas art vergni, u ħafna mill-proġetti jinvolvu twaqqigħ u bini mill-ġdid.

Meta l-prezzijiet tal-proprjetà tqabblu mal-paga minima rriżultaw dawn l-osservazzjonijiet:

  • Fl-2025, appartament hu inqas affordabbli milli kienet dar fl-1995.
    (Il-prezz medju ta’ appartament bħalissa hu ta’ €326,000, jiġifieri 28 darba l-paga minima. B’kuntrast, il-prezz medju ta’ dar fl-1995 kien €84,600, jiġifieri 17-il darba l-paga minima.)
  • Fl-1975, villa (15-il darba l-paga minima) kienet kważi darbtejn aktar affordabbli minn appartament fl-2025 (28 darba l-paga minima).
  • Fl-2015, appartament (16-il darba l-paga minima) kien affordabbli daqs kemm kienet villa fl-1975 (15-il darba l-paga minima).
  • Fl-2025, appartament (28 darba l-paga minima) hu tliet darbiet inqas affordabbli milli kien fl-1995 (9.5 darbiet il-paga minima).

Meta l-prezzijiet tal-proprjetà tqabblu mal-paga medja rriżultaw dawn il-punti:

  • Appartament fl-2025 (14-il darba l-paga medja) hu inqas affordabbli minn dar fl-1995 (10 darbiet il-paga medja) u anke inqas minn villa fl-1975 (12.5 darbiet il-paga medja).
  • Fi ftit snin, appartament se jkun affordabbli daqs kemm kienet affordabbli dar fl-2015 (18-il darba l-paga medja).
  • Fl-2025, dar (22 darba l-paga medja) hija ftit biss aktar affordabbli minn villa fl-1995 (25 darba l-paga medja).